Il-Ħadd 11 t’Ottubru se tkun ġurnata speċjali għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-wirt kulturali ta’ pajjiżna.
Bħala parti mill-Birgufest ta’ din is-sena, Heritage Malta se tiftaħ parti mill-Forti Sant’ Anġlu f’dik li tista’ titqies bħala titwila antiċipata tas-sit qabel il-ftuħ uffiċjali fix-xhur li ġejjin.
Heritage Malta ġiet fdata bil-partijiet tal-forti li huma aċċessibli għall-pubbliku fl-2007. Dawn il-partijiet fil-fatt għaddew minn proċess ta’ restawr estensiv fl-aħħar snin u issa jinsabu kważi lesti għal kollox bl-għan ewlieni jkun illi jipprovdu esperjenza unika fil-qasam tal-wirt kulturali. Kif jintemm il-proġett, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jesperjenzaw ir-rwol kruċjali li kellu dan il-forti tul il-milja ta’ żmien f’dik li hi d-difiża tal-Port il-Kbir u l-gżejjer Maltin.
Ix-xogħolijiet waslu biex jintemmu u l-Forti Sant’ Anġlu se jkun jista’ jibda jilqa’ l-viżitaturi sa l-aħħar tas-sena meta dawk li jżuruh se jgawdu minn esperjenza interattiva u edukattiva għall-familja kollha, veduti mill-isbaħ tal-Port il-Kbir kif ukoll attivtajiet imħejjija apposta.
Għal din l-okkażjoni, il-prezz tad-dħul se jkun ta’ €2 u jinkludi dħul ukoll fil-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Mużew Marittimu ta’ Malta (fl-istess ġurnata). Il-Forti sant’ Anġlu se jkun miftuħ bejn id-9am u l-5pm bl-aħħar dħul ikun fl-4:30pm.
Minbarra l-Forti Sant’ Anġlu, għall-Birgufest ta’ din is-sena, Heritage Malta se tkun qegħda tiftaħ il-palazz tal-Inkwiżitur u l-Mużew Marittimu ta’ Malta bil-prezz speċjali ta’ €2 għaż-żewġ siti. Fil-fatt, minbarra il-Ħadd, dawn iż-żewġ mużewijiet se jkun miftuħin ukoll il-Ġimgħa u s-Sibt mid-9am sa tard filgħaxija.
Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit eletroniku uffiċjali ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org jew il-paġna uffiċjali ta’ Facebook.