Leah: It-tifla li għexet u mietet titbissem
Ktieb bi storja ta’ telfa kbira iżda li jwassal messaġġ ta’ mħabba akbar
minn John Busuttil
Ġimgħatejn oħra se joħroġ ktieb dwar l-istorja ta’ Leah, it-tifla Għawdxija minn Għajsnielem li għexet il-ħajja qasira tagħha fi tbatija kbira meta kellha tiġġieled erba’ snin mis-sitta, li għexet kontra kanċer rari. Iżda fit-tbatija tagħha, iċ-ċkejkna Leah dejjem sabet ħin sabiex titbissem u tilgħab mat-tfal li tant kienet tħobb tkun madwarhom.
L-istorja ta’ Leah inkitbet minn Maria Mifsud li poġġiet fil-kitba dak li ħareġ minn fomm Zhana, l-omm Bulgara ta’ Leah. Għalhekk iddeċidejt li mmur niltaqa’ ma’ Maria u quddiemi sibt mara li qatt ma kitbet kotba, u li saret taf lil Leah wara mewtha. Saret ħabiba intima ta’ Zhana mertu għall-mewt ta’ Leah.
Maria li hi mart Joe Mifsud, li hu personalità magħrufa u jaħdem ħafna favur Puttinu, ltaqgħet ma’ Zhana meta marret ma’ żewġha żżur lil din l-omm wara li kienet għadha kif tilfet lil bintha, “Mument diffiċli mmens biex wieħed jaċċetta din ir-realtà, imma Zhana kienet kalma u ffukata.”
U fil-fatt li ġara kien li ddeċidew li flimkien jiktbu l-vjaġġ tal-ħajja tas-sitt snin ta’ Leah. Vjaġġ għall-fejqan li wassal sal-mewt. Iżda vjaġġ mimli tama, tbissim u tant ferħ. Interessanti l-kelma li qaltli Maria fejn lil Leah ma kinitx tafha ħajja, u saret tafha wara mewtha permezz tar-rakkonti ta’ ommha, “Leah ħarġet ġo fija tfuliti, kienet tifla ħelwa wisq u din ħarġet ħafna fir-rakkont. F’Zhana sibt imħabba, paċi, trankwillità u ħeġġa biex tgħix il-ħajja. Fil-verità, m’għandniex għażla. Omm li sofriet ħafna iżda xorta tħares lejn il-ħajja pożittivament. U din inħoss li hi tagħlima.”
Leah mietet fit-28 ta’ Marzu ta’ din is-sena, eżatt seba’ xhur qabel se joħroġ għall-pubbliku dan il-ktieb. U f’dawn is-seba’ xhur, Zhana tmur iżżur darbtejn kuljum il-qabar ta’ Leah kif kienet wegħditha li ma tħalliha weħidha qatt filwaqt li kull nhar ta’ Ħadd, tmur tnaddfilha l-qabar. “Ikolli nammetti li waqt li konna qed niktbu l-istorja ta’ Leah, it-tifla ħassejnieha dejjem magħna. Kienet esperjenza maġika.”
“Ma kienx faċli sabiex nikteb dan il-ktieb. Konna niltaqgħu u nitkellmu dwar dak li l-familja kollha għaddew minnu flimkien, permezz tal-ħin tagħna flimkien f’Għawdex. Zhana kienet tibgħatli l-punti mal-lejl wara li tkun spiċċat mix-xogħol u jien kont inkun nistennieha u noqgħod nikteb mal-lejl. Ħassejt lil Bambin magħna wkoll. Il-lejl għandu dimensjoni oħra u kont nagħmel riflessjonijiet importanti. Waħda minnhom kienet li dan il-ktieb ikollu messaġġ pożittiv favur il-ħajja u l-imħabba lejn it-tfal. Xtaqna wkoll li ngħinu ġenituri oħra li għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili. Fl-aħħar tliet kapitli sibtha diffiċli biex nikkonkludi. Zhana u jien, qisu esperjenzajna daqsxejn ta’ blokk mentali. Iżda Gordon Pisani li hu l-pubblikatur tal-ktieb beda jkellimni u jagħmilli kuraġġ. Tlabtu aktar ħin u żmien u li kellna bżonn inkunu ftit waħidna, u hu min-naħa tiegħu fehem. Ikolli nammetti li f’dawn il-ftit xhur, jien u Zhana sirna ħbieb tal-qalb, fejn kultant niltaqgħu u b’tgħanniqa waħda tant inħossuna viċin xulxin. Inħossu l-istess affarijiet u ambjenti, u vera nieħdu gost flimkien u nitkellmu mill-qalb.”
Maria qaltli li f’Zhana sabet omm li għalkemm tilfet lil bintha, tħoss li fis-sitt snin li għexet hi u żewġha Jonathan tawha l-aħjar mumenti li setgħu jagħtuha, fejn anke ħaduha Disneyland u Lourdes. “Illum il-ġenituri tagħha jħossu n-nuqqas tagħha ħafna, iżda xorta jħossu paċi f’qalbhom. Nammirahom ferm it-tnejn. Vera għamlu kollox u huma ġenituri kbar. Insellmilhom minn qalbi.”
Dwar Leah, Maria qaltli, “Sirt naf lil Leah fil-ktieb. Kienet tifla brava ħafna, tħobb ħafna lit-tfal u kienet tħoss nuqqas kbir talli kienet tfalli l-iskola. Kienet anke tħobb tpinġi ħafna u fil-fatt użajna t-tpinġijiet tagħha fil-qoxra tal-ktieb. Kellha talenti kbar fiċ-ċokon tagħha. Sirt naf li ħajjitha aktar qattgħetha l-isptar milli tilgħab mat-tfal u l-iskola. Iżda Leah anke fit-tbatija baqgħet imqarba u dejjem titbissem. Tant li anke mietet bi tbissima fuq fommha.”
Maria qaltli li dan il-ktieb jagħti ħajja oħra lil Leah, jħalliha tgħix u twassal il-messaġġ sabiħ ta’ ferħ fit-tbatija u mill-lenti tat-tfal, hi tifla u fjura mill-isbaħ. Fl-istess ħin bil-flus li jidħlu mill-bejgħ ta’ dan it-testment lejn Leah, imorru għal tfal li għandhom bżonn il-kura. “Grazzi Puttinu Cares”
“Din hi storja ta’ telfa kbira iżda li twassal messaġġ tal-miraklu tal-imħabba.”
Ħin minnhom Maria emozzjonat ruħha u għajnejha mtlew bid-dmugħ meta bdiet tirrakonta t-tbatija ta’ din it-tifla u l-ġenituri tagħha. Fl-istess waqt, rajt it-tama u l-enerġija pożittiva li ħarġet mit-tifla u dawk kollha ta’ madwarha. “Nixtieq nagħmel appell lill-qarreja tal-ILLUM – “Aqraw dan il-ktieb għax se tħossu l-ferħ li jagħtuna t-tfal fi kwalunkwe ċirkostanza.”
Intbagħtitli kopja tal-ktieb, u nista’ ngħid li hi storja ta’ dieqa iżda b’messaġġ pożittiv ħafna. Storja reali fejn ma jispiċċax fl-istil tal-‘fairy tales’, bl-‘and they lived happily ever after.’ Iżda jagħti messaġġ li fejn hemm it-tama, hemm il-ħajja u fejn hemm il-ħajja hemm l-imħabba, hi kemm hi twila jew qasira l-ħajja.
Qabel tlaqt, Maria qaltli li dan l-aħħar kienet Ċipru fejn kienet qed taqra ktieb ta’ Paolo Coelho li fih laqtitha din is-sentenza, “Jekk trid risposti onesti...staqsi lit-tfal u oqgħod attent għat-tweġibiet tagħhom.”
Il-Ktieb bl-isem ta’ ‘Leah’ se jinbiegħ għal €10 bil-flus imorru għal Puttinu CARES u se jiġi introdott fis-suq nhar id-29 ta’ Ottubru fis-sala tal-Knisja Ta’ Pinu mill-Isqof Mario Grech. Il-pubblikazzjoni hi ta’ Kite Group.