Il-linja tal-ajru low-cost Ryanair għadha kemm nediet l-iskeda l-ġdida tagħha għall-istaġun tas-sajf tal-2016. F'din l-iskeda kien hemm żieda ta' disa' destinazzjonijiet minn Malta waqt li tliet rotot diġà eżistenti se tiżdidilhom il-frekwenza.
Ir-rotot il-ġodda jinkludu pajjiżi ġodda bħall-Ġermanja, waqt li hemm żidied fid-destinazzjonijiet Ungeriżi, Taljani, Ingliżi u Pollakki fost l-oħrajn. Fl-istess waqt, din l-iskeda għanda żżid ukoll il-frekwenza lejn destinazzjonijiet diġà eżistenti Inglizi, f'Londra, Birmingham u Edinburgh.
Id-destinazzjonijiet il-ġodda huma: Baden - Ġermanja (darbtejn fil-ġimgħa), Manchester - Ingilterra (tliet darbiet fil-ġimgħa), Berlin - Ġermanja (darbtejn fil-ġimgħa), Poznan - Polonja (darbtejn fil-ġimgħa), Budapest - Ungerija (darbtejn fil-ġimgħa), Ruma - Italja (kuljum), Cologne -Ġermanja (darbtejn fil-ġimgħa), Dusseldorf - Ġermanja (darbtejn fil-ġimgħa) u Gdansk - Polonja (darbtejn fil-ġimgħa).
It-titjiriet lejn Birmingham se jitilgħu għal tleita fil-ġimgħa, ta' Edinburgh għal ħamsa fil-ġimgħa waqt li lejn Londra għal titjira kuljum.
Il-kumpanija qalet li b'dan it-tkabbir ta' 35% f'Malta, għandhom jinħolqu mal-150 impjieg ġdid f'Malta. B'hekk, il-kumpanija issa ttir lejn 36 destinazzjoni li huma tnejn iktar minn kemm ittir l-AirMalta fihom.