“Tmur quddies? Kemm-il darba titlob? Għal min titlob?”
Dawn huma wħud mill-ftit mistoqsijiet li għalliema prospettivi jiġu mistoqsija waqt interviews għall-iskejjel tal-Knisja.
minn Daniel Mizzi
“Tmur quddies? Kemm-il darba titlob? Għal min titlob?” Le, dawn mhux mistoqsijiet waqt il-Kors ta’ Kana jew mistoqsijiet qabel il-Griżma, iżda, huma wħud mill-ftit mistoqsijiet li għalliema prospettivi jiġu mistoqsija waqt interviews għall-iskejjel tal-Knisja.
Minkejja li l-perċezzjoni pubblika tara dawn il-mistoqsijiet bħala xi ħaġa ovvja u raġonevoli, u għalkemm il-Kurja ikkonfermat li għalliema prospettivi jistgħu jiġu mistoqsija jekk jaqblux mal-etos u l-valuri tagħha, kelliem għall-Union tal-Għalliema (MUT) sostna li dawn it-tip ta’ prattiċi u mistoqsijiet dwar ir-reliġjon u l-ħajja reliġjuża tal-għalliema huma “kompletament illegali.”
Aktar minn hekk, skont il-liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, kwalunkwe diskriminazzjoni kontra ħaddiem, inkluż dik fuq bażi ta’ twemmin reliġjuż hija illegali, u li jekk dan iseħħ, il-persuni li jħaddmu, inkluż il-Knisja fil-kapaċità tagħha bħala entità li timpjega, tista’ tkun suġġetta għal passi legali.
Għalliema li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li “saret prassi” li waqt l-interviews tagħhom sabiex jidħlu jaħdmu fi skejjel tal-Knisja, il-kapijiet tal-iskola - li ġeneralment ikunu qassisin, patrijiet, u anke sorijiet – jistaqsuhom domandi dwar it-twemmin reliġjuż tagħhom u l-prattiċi reliġjużi.
L-istess persuni li tkellmu mal-ILLUM qalu li waqt l-interviews jispikkaw mistoqsijiet dwar kemm-il darba jitolbu, għalxiex jitolbu, għal min, kemm-il darba jmorru l-quddies, u kif ukoll mistoqsijiet dwar it-tagħlim reliġjuż tagħhom.
Qalu wkoll li dawn it-tip ta’ mistoqsijiet jiġu mpoġġija b’tali mod li l-għalliem prospettiv jitpoġġa dahru mal-ħajt. Mistoqsijin għala ma jirrapurtawx dawn il-prattiċi abbużivi, l-għalliema li tkellmu mal-ILLUM sostnew li din isseħħ f’bosta skejjel tal-Knisja u li f’ċertu każijiet għalliema ma ntagħżlux. Għalhekk teżisti l-biża’, komplew jisħqu mal-ILLUM, li jiġu maqtugħin mil-lista ta’ għalliema prospettivi.
Mistoqsija jekk hijiex prassi li għalliema prospettivi jiġu mistoqsija dawn it-tip ta’ domandi waqt l-interviews tagħhom, il-Kurja qalet li “mhux possibli li tafferma jew tinnega x’mistoqsijiet għamlu l-iskejjel tal-Knisja.”
“Madankollu, is-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija jafferma li skola, tkun liema tkun, bħal kull organiżazzjoni oħra, tista’ tistaqsi jekk impjegati prospettivi jaqblux mal-etos u l-valuri tagħha. Dan għandu jsir mingħajr ma wieħed jistaqsi dwar il-ħajja privata tal-applikanti u mingħajr ma ssir diskriminazzjoni,” l-Kurja qalet.
Fil-fatt, mal-ILLUM, il-kelliem tal-Kurja qal li waħda mill-kwalifiki neċessarji għall-persuni f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija fi skejjel tal-Knisja hija li “jkunu Kattoliċi.”
Inizzjalment, din il-ħtieġa kienet tapplika wkoll għall-counsellors, għalliema tal-PSD u assistant heads, u li l-istaff kollu fl-iskejjel tal-Knisja, b’mod speċjali dawk f’karigi għolja, għandhom ikunu “persuni li jippratikaw il-valuri Kristjani f’ħajjithom.”
Wara kontroversja, il-Kurja timponi kundizzjonijiet inqas stretti għall-Kapijiet
F’dokument bl-isem ta’ “Practicing Catholic as a Requirement for Eligibility and Selection of Staff in Church Schools,” il-Kurja kienet qalet li persuni f’kariga għolja għandhom obbligu biex jippreservaw l-eto tal-iskola, u li għaldaqstant, dan ma jistax jiġi sodisfatt jekk l-istil ta’ ħajja tagħhom ma tkunx konformi mat-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Iżda, fid-dawl ta’ kritika voċifera minħabba l-fatt li dawn il-kundizzjonijiet eskludew persuni iddivorzjati, għalliema omosesswali, u ġenituri li kellhom it-tfal barra miż-żwieġ, il-Kurja ma implimentatx dawn il-kundizzjonijiet kontroversjali u minflok qed tapplika kundizzjonijiet inqas stretti.
Mal-ILLUM, il-Kurja qalet li, “il-Knisja tixtieq li applikanti għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija u ta’ dawk li jiffurmaw parti mill-missjoni tal-Knisja li jgħallmu t-tagħlim ta’ Kristu, għandhom ikunu Kattoliċi. Nemmnu li din il-proposta hija mħarsa kemm mil-liġi Maltija kif ukoll dik Ewropea.”
Imma lil hinn minn dan kollu, l-MUT kienet qalet li miżuri “medjevali” bħal dawn qed jużaw l-iskuża tar-reliġjon u l-identità reliġjuża biex jiġu mgħottija l-abbużi fis-sistema tar-reklutaġġ. Fost l-oħrajn, riċentement, l-MUT sostniet li ċertu għalliema ma ġewx magħżula għax kienu nisa u oħrajn li tkeċċew minn xogħolhom għax il-pożizzjoni kienet riżervata għal xi ħadd ieħor.
Mal-ILLUM, kelliem għall-MUT qal li minkejja li l-Union ilha għal bosta snin tisħaq għall-bidla fis-sistema tar-reklutaġġ, hemm min mhux fi qbil bl-iskuża li kull skola għandha l-etos tagħha.
“Illum qed nindunaw li dawk li l-aktar mhumiex fi qbil huma skejjel fejn kien hemm diversi allegazzjonijiet ta' prattiċi abbużivi, kif il-Union diġà semmiet kemm-il darba. Għaldaqstant il-mistoqsija tqum b'mod naturali: Għalfejn dawn il-kongregazzjonijiet ma jridux jikkunsidraw il-proposti tal-Unjin? Biex ikomplu jgħattu dawn il-prattiċi?”