Il-fatt li triq ikollha ħames roundabouts, hija xi ħaġa li ftit tismagħha, però dan huwa l-każ fi Triq il-Kosta, li partijiet minnha għadu qed isir ix-xogħlijiet fuqha. Triq il-Kosta, li se tkun qed tiswa mal-€53 miljun, hija waħda mill-ikbar proġetti li qatt saru f’pajjiżna fejn għandhom x’jaqsmu t-toroq.
Dawn il-ħames roundabouts huma mqassma tul it-triq kollha u kienu ħafna li kkummentaw dwar id-daqs tagħhom, speċjalment dwar dik li hemm fis-salini illi bħala daqs titqabbel sew ma’ dik ta’ Ħal Qormi, magħrufa illi twaħħal ħafna karozzi fit-traffiku.
Huwa fatt magħruf li meta persuna tkun qed tavviċina roundabout, ir-regoli tat-traffiku jobbligaw lis-sewwieqa sabiex inaqqsu mill-veloċità ħalli jkunu jistgħu jduru mal-istess roundabout waqt li ma jkunux ta’ periklu għas-sewwieqa l-oħra fit-triq. Għaldaqstant, wieħed mingħajr ma jrid, jistaqsi x’effett se jkollu dan fuq it-traffiku fi Triq il-Kosta, mhux b’roundabout waħda iżda b’ħamsa, meta din ma kellha l-ebda roundabout qabel ma bveda ix-xogħol fuq il-proġett
Meta mistoqsi mill-gazzetta ILLUM dwar l-effett li dan in-numru ta’ roundabouts se jħallu fuq it-traffiku f’din it-triq, l-Project Leader responsabbli minn din it-triq ma tax tweġiba ċara dwar dan imma elenka r-roundabouts preżenti u l-użu tagħhom f’din it-triq.
Jekk tkun qiegħed issuq fi Triq il-Kosta minn San Pawl il-Baħar direzzjoni lejn Pembroke, ir-roundabouts jibdew b’waħda kbira ħafna qrib is-Salina fil-junction biex tmur lejn it-telgħa T’Alla u Ommu. Fil-fatt, din kienet ir-raġuni li l-project leader ta’ Transport Malta ta għal din ir-roundabout: li din isservi lis-sewwieqa biex jagħżlu t-triq tagħhom, jew ikomplu fi Triq il-Kosta jew inkella jaqbdu t-triq lejn it-telgħa T’Alla u Ommu.
It-tieni roundabout li ssib hi dik li tinsab ftit ’il fuq mil-lukanda fl-istess triq, bil-għan li din, “tipprovdi aċċessibbiltà aħjar lil dawk li jkunu sejrin lejn il-lukanda u anke lil dawk li jkunu ħerġin miż-żona tas-Salini.”
Biswit il-Magħtab, wieħed isib it-tielet roundabout li sakemm jibdew numru ta’ proġetti m’għandha l-ebda funzjoni jew użu. Fil-fatt il-project leader stess qal li, “r-roundabout qrib il-junction tal-Magħtab tgħaqqad id-daħla ppjanata għall-Magħtab li mistennija tiġi mibnija mill-Wasteserv, mat-triq, u fl-istess ħin tgħaqqad il-parkeġġ li għandu jkun hemm qrib il-baħar.”
F’Baħar iċ-Ċagħaq, ftit qabel il-waterpark hemm ir-roundabout li “tgħaqqad Triq il-Kosta ma’ Triq ir-Ridott u ż-żona residenzjali.”
Finalment, l-aħħar roundabout tinsab fil-parti tat-telgħa tat-triq biswit il-kumpless ta’ White Rocks, biex dan, skont il-project leader, “jagħti aċċessibbiltà aħjar lit-traffiku li jkun ġej min-naħa ta’ Baħar iċ-Ċagħaq u sejjer lejn iż-żona residenzjali tal-vilel.”
Minbarra dan, il-project leader aċċenna li x-xogħlijiet li saru u qed isiru fi Triq il-Kosta, “jinvolvu it-twessigħ tat-triq billi qed issir triq b’karreġġjata doppja u jiġu introdotti ‘crash barriers’ sabiex jiġu separate l-karreġġjati, bil-għan li jitnaqqas l-‘overtaking’ f’din it-triq, flimkien ma’ karreġġjata għar-roti, flimkien ma’ numru ta’ miżuri oħra ta’ sigurtà.”