‘Din mhux tolleranza...dan taħwid ta’ moħħ it-tfal’
Grupp ta’ ġenituri u għalliema fuq Facebook jirreżistu bidliet għal edukazzjoni aktar inklussiva...Gabi Calleja twieġeb
minn Albert Gauci Cunningham
Grupp ta’ ġenituri, permezz tas-sit soċjali Facebook qed juru d-diżaprovazzjoni tagħhom għal dak li l-grupp qed isejjaħ “indottrinazzjoni tat-tfal dwar il-ġeneru.” Sa nhar il-Ġimgħa, il-grupp kien fih b’kollox 6,000 membru li jinkludi diversi persuni, fosthom politiċi miż-żewġ partiti, ġurnalisti u saħansitra persuni omosesswali wkoll. Dawn qed jopponu l-introduzzjoni ta’ materjal fl-iskejjel li għandu l-għan li jkabbar l-għarfien dwar relazzjonijiet differenti u ‘jinnormalizzahom’ minn meta t-tfal ikunu iżgħar fl-età.
Wieħed mill-amministraturi u kelliema għall-grupp, Ivan Grech Mintoff, f’kummenti mal-ILLUM sostna li l-bidliet li qed iseħħu fl-iskejjel mhumiex dwar tolleranza iżda “taħwid ta’ moħħ it-tfal.”
Minkejja dan, il-koordinatriċi tal-Malta Gay Rights Movement (MGRM) Gabi Calleja qalet li mhux in-numru ta’ nies li qegħdin fil-grupp li jinkwetaha, “imma l-fatt li hawn min jara l-inklużjoni ta’ persuni LGBTIQ u l-familja tagħna bħala theddida.” Dan juri, kompliet tgħid Calleja, li “jonqosna ftit biex nibdlu wkoll il-qlub u l-imħuħ tan-nies u nikkumbattu l-preġudizzju.”
“Ħafna ġenituri huma inkwetati”
Iżda meta kkuntattjat minn dan il-ġurnal, Ivan Grech Mintoff spjega kif huma bosta dawk il-ġenituri li jinsabu inkwetati ħafna minħabba l-introduzzjoni ta’ dan it-tip ta’ materjal fl-iskejjel. “Imma l-grupp mhux ikabbar dik il-biża’ qiegħed, minflok iżid l-għarfien?” staqsa dan il-ġurnal lil Grech Mintoff li, min-naħa tiegħu, qal li l-ġenituri “għandhom dritt jiddeċiedu li t-tfal tagħhom m’għandhomx ikunu mgħallmin “xi ħaġa li tmur kontra t-twemmin tagħna.” Huwa jfakkar kif din hija parti mill-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ewropa.
L-ILLUM staqsa lil Grech Mintoff x’hemm ħażin fil-fatt li l-istudenti jkunu mgħallmin u mgħarrfin dwar il-fatt innegabbli li mhux kull relazzjoni hija eterosesswali u li hemm persuni tal-istess sess li jkollhom relazzjoni bejniethom. Hawnhekk Grech Mintoff qal li l-kotba li qed jitqassmu huma biss, “parti żgħira mill-problema li qed tinkwetana”.
F’dan il-punt huwa jgħid li jaf b’każ fejn għalliema qalet lil student ta’ erba’ snin “inti m’intix boy u lanqas girl, inti tista tiddeċiedi int stess xi trid tkun.” Kompla jsostni li, “iva ngħinu u nkunu ugwali, imma din mhux ugwaljanza u tolleranza, dan taħwid il-moħħ.”
Il-politika titkellem dwar kif skola għandha taġixxi ma’ student trans
Calleja, filwaqt li qalet li ma taf bl-ebda okkażjoni fejn għalliem qal lill-istudenti li huma bla ġeneru, fakkret li parti mill-politika tispjega kif skola għandha taġixxi f’każ li jkun hemm student/a trans, gender variant jew intersess. “M’hemmx xi policy jew strateġija fl-edukazzjoni li tindika li l-għalliema għandhom jaġixxu billi jgħidu lit-tfal li mhumiex bniet jew subien. Jeżisti dokument li jispjega l-politika dwar kif l-iskejjel għandhom jaġixxu fil-konfront ta’ studenti trans, gender variant jew intersess.”
‘L-MGRM qed jippruvaw jimponu’
Imma din hija kollha biża’ ta’ Grech Mintoff? Biża’ minn dak li forsi hu ma jħossux komdu bih? Jew forsi ħafna argumenti u kliem li qed jgħattu sentiment omofobiku? Huwa jirrifjuta dan bil-qawwa kollha u jgħid li fl-ebda ħin mhu qed jattakka lil persuni gay, “li qed ngħid huwa li numru ta’ estremisti fi ħdan il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) qegħdin jippruvaw, akkost ta’ kollox, jimponu fuq ħaddieħor.” Huwa jsostni l-kritika tiegħu lejn il-moviment li kien fuq quddiem biex persuni omosesswali setgħu rebħu d-dritt tal-Unjoni Ċivili, billi jakkuża lill-MGRM li b’din “l-indottrinazzjoni” qed jilagħbu logħba perikoluża li tista’ tkun il-kawża ta’ omofobija.
Iżda Calleja twieġeb li minkejja l-istqarrija “ta’ Grech Mintoff u Miriam Sciberras li jsostnu li mhumiex omofobiċi u transfobiċi, ir-reazzjonijiet tagħhom fil-konfront ta’ dawn il-kotba u l-miżuri biex studenti trans, gender variant u intersess ikunu nklużi, juru mod ieħor.” Hija ssostni wkoll li nies bħal Grech Mintoff jippreferu li persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti “jibqgħu moħbijin” għax jibżgħu, skont Calleja, li jekk it-tfal ikunu mgħarrfin bid-diversità tan-natura umana, hemm aktar ċans li “jsiru” gay.
Calleja tiddefendi l-użu tal-kotba li wieħed jista’ jsib fl-iskejjel u tgħid li meta wieħed jaqrahom, “isib li mhuma ta’ ebda theddida għat-tfal u lanqas ma jnaffru l-innoċenza tagħhom. Anzi jgħinu biex jibnu ambjent san u inklussiv fl-iskejjel tagħna u jirriflettu d-diversità bejn it-tfal u l-familji li minnhom ġejjin.”