Muscat: Il-kontrolli tas-sigurtà fil-fruntieri se jibqgħu fis-seħħ

Il-Prim Ministru ma jeskludix li jitħassar iċ-CHOGM f'każ ta' xi periklu

Il-Prim Ministru f'indirizz lill-mezzi tax-xandir • Ritratt: Chris Mangion
Il-Prim Ministru f'indirizz lill-mezzi tax-xandir • Ritratt: Chris Mangion

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal kif is-sigurtà u l-kontrolli fil-fruntieri li daħlu fis-seħħ fid-dawl tal-Valletta Summit, li kellhom jintemmu lbieraħ filgħaxija, se jibqgħu fis-seħħ.

Muscat sostna li m'hemm l-ebda theddida għal pajjiżna fil-mument imma din l-azzjoni qed tittieħed bħala miżura ta' sigurtà.

Il-Prim Ministru jappella wkoll biex il-poplu ma jallarmax ruħu bl-attakki fi Franza. Fid-dawl tal-attakki f’Pariġi matul il-lejl li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat appella biex il-poplu Malti ma jallarmax ruħu.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, Joseph Muscat sostna li mal-icken suspett ta’ allarm, se jkun hu stess li javża lill-poplu.

Huwa spjega li dan il-lejl stess, il-Forzi tas-Sigurtà ħadu miżuri biex ikun hemm uffiċjali f’punti strateġiċi.

Saħaq li minħabba dak li ġara f’Pariġi, l-infurzar fil-fruntieri se jiġi estiż sa tmiem il-laqgħat taċ-CHOGM li jibdew fi tmiem il-ġimgħa li ġejja. 

Il-PM kkonferma li ma kienx hemm Maltin involuti fl-attakk. Saħaq iżda, li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u għalhekk jista’ jkun hemm xi żviluppi. 

Qal li l-Gvern digà ordna biex isir assessjar profond fuq is-sigurtà waqt iċ-CHOGM. 

“S’issa, għad m’għandniex informazzjoni li hemm xi theddid. Jekk ikun hemm bżonn inħassru anke l-attivitajiet taċ-CHOGM,” insista l-Prim Ministru.

Appella biex filwaqt li ħadd m’għandu jallarma ruħu, kull min jinnota xi persuni b’aġir suspettuż, għandu jinforma lill-pulizija. 

“Ma nallarmawx ruħna jew nibzgħu. Fil-punt li nqajmu l-paniku nkunu qed nagħtu rebħa lit-terroristi,” temm jgħid Muscat.

More in Socjali