Ivvota għall-personalità tas-sena 2015
More in Socjali
Il-ġurnal ILLUM qed jinnomina erba’ peruni li b’xi mod jew ieħor ħallew impatt fuq is-soċjetà Maltija. Għalhekk qed inħeġġu lill-qarrejja kollha tagħna biex jivvutaw u jkunu huma li jagħżlu min, fl-opinjoni tagħhom huwa l-aktar persuna mill-erba’ nominati li jixirqilhom jibqgħu mfakkrin bħala l-personalità tal-2015.
In-nominati tal-ILLUM huma l-Arċisqof Charles J Scicluna li ħa t-tmexxija tal-Knisja aktar kmieni din is-sena u li reġa' ta’ viżibilità qawwija lill-Knisja. Scicluna, għalkemm kontroversjali qiegħed ikun minn ta’ quddiem biex jagħti lill-Knisja Kattolika f’Malta vuċi li kienet ilha li tilfet snin twal.
It-tieni nominata hija Destiny Chukunyere li rebħet il-Junior Eurovision ta’ din is-sena. Destiny serqet il-qlub ta’ ħafna Maltin u Għawdxin bil-karattru ferrieħi tagħha u b’dik it-tbissima li dejjem tagħmilha tifla dejjem aktar speċjali. Destiny għallmitna wkoll illi minkejja reliġjon, kulur jew kwalunkwe differenza oħra kulħadd kapaċi jikkontribwixxi għal ferħ fid-dinja billi jemmen fih innifsu u fil-ġmiel li jeżisti fih.
It-tielet nominat huwa Bjorn Formosa li għandu l-ALS, marda progressiva li tattakka l-muskoli ta’ ġismek sakemm tħallik paralizzat għall-mewt. Minkejja li Formosa għaddej minn żmien xi ftit jew wisq diffiċli huwa għażel li jqatta’ l-aħħar żmien ta’ ħajtu jqajjem aktar kuxjenza dwar l-marda tal-ALS billi waqqaf l-ALS Malta.
L-aħħar nominat għall-personalità tas-sena 2015 huwa Karl Izzo. Matul din is-sena li waslet biex tintemm, mexxa lit-Tim Nazzjonali tal-Waterpolo għal kwalifikazzjoni storika għall-Kampjonati Mondjali tal-Waterpolo, li se jsiru f'Jannar li ġej fis-Serbja.
F'dawn l-aħħar snin ġie vvutat bħala l-Kowċ tas-Sena fl-Għażliet Sportivi Nazzjonali (Malta Sporst Awards), waqt li ngħata rikonoxximent ferm prestiġjuż fl-MOC Sports Awards organizzati mill-Kumitat Olimpiku Malti. Fuq nett tal-aġenda tiegħu nsibu l-inklużjoni ta’ plejers żgħażagħ.
Segwi l-gazzetta ILLUM tal-Ħadd 20 ta’ Diċembru fejn se nidħlu ftit aktar fil-fond dwar il-kontribut tan-nominati lejn pajjiżna u s-soċjetà.
Inħeġġukom tivvotaw. L-aktar persuna li jkollha voti tkun dikjarata l-personalità tas-sena tal-ILLUM fl-ewwel ħarġa tal-ILLUM għas-sena 2016.