Wieħed faċli jassumi li intervista ma’ Bjorn Formosa, li qed ibati mill-kundizzjoni kiefra tal-Amyotrophic Lateral Sclerosis (ALS), kienet se tkun waħda minn dawk li mdorrijin naraw fuq it-televiżjoni lokali, b’ħafna biki u uġigħ ta’ qalb. Jekk qed tistennew hekk, mela jiddispjaċini li din l-intervista se tkun ta’ diżappunt. Għax malli fetħet il-bieb tad-dar, l-ILLUM sabet żagħżugħ b’wiċċu mixgħul u bi tbissima ferriħija. Mill-ewwel ħassejna li minkejja inqas saħħa, Bjorn għandu determinazzjoni tal-azzar li żżommu għaddej fil-ħidma tiegħu biex tqum aktar kuxjenza dwar din il-marda qerrieda.
Anke meta ffaċċjat b’mistoqsijiet diffiċli dwar ix-xhur kiefra li għadda minnhom u dwar saħħtu, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tmur għall-agħar, xorta ġġieled lura bi spirtu pożittiv immens. Xi kultant, donnok taħsbu qed jitkellem dwar persuna oħra, mhux dwaru nnifsu u dwar ġismu. Bjorn ħalla marka qawwija fuq din il-gazzetta meta, bi spirtu pożittiv u mill-aktar b’saħħtu, spjega kif minkejja kollox, “din kienet l-isbaħ sena ta’ ħajti.”