Il-mexxejja tal-grupp favur il-ħajja, Miriam Sciberras irrifjutat u opponiet b'mod kategoriku l-proposti li l-proċess tal-IVF jiġi estiż għal koppji leżbjani u single mothers. Jekk dawn il-proposti jiġu fis-seħħ, ikun hemm bżonn ta' donazzjoni tal-isperma, u għaldaqstant f'ħafna mid-drabi, l-missier jibqa' mhux magħruf. Għal dan, iċ-chairperson tal-Pro-Life Network qalet li se jinħolqu problemi minħabba li hija istintiva li tfal ifittxu min huma l-ġenituri naturali tagħhom.
Sciberras kompliet iżżid li, "l-adulti huma liberi li jagħmlu li jridu, u fil-fatt m'għandi l-ebda problema bl-unjoni ċivili, imma t-tfal m'għandhomx jiġu mżeffna fin-nofs. M'għandniex nilagħbu bid-drittijiet tat-tfal. Il-liġijiet tan-natura juri ċar li hemm bżonn ta' mara u raġel biex joħolqu tarbija. Dik mhux diskriminazzjoni, imma natura."
Dan kollu sostnietu fil-programm 'Reporter' tal-bieraħ filgħaxija, fejn kompliet issostni li l-proċess tal-iffriżar tal-embrijuni, li bħala moviment huma jopponu bil-qawwa kollha, huwa l-ewwel pass lejn l-abort. Dwar l-argumenti li jressqu l-Pro-Life Network, Sciberrras qalet li huma argumenti bbażati fuq fatti xjentifiċi u mhux fuq ir-reliġjon.