Reazzjoni mħallta għal bidliet fit-trasport pubbliku
...ilmenti għax għadha ma twaħħlitx l-informazzjoni dwar ħinijiet
minn Albert Gauci Cunningham
Il-bidliet fit-trasport pubbliku li daħlu fis-seħħ il-ġimgħa l-oħra ġabu reazzjoni mħallta. Min huwa kuntent bit-tibdil fir-rotot, min huwa inqas kuntent u min għadu lanqas fehem kif qed taħdem is-sistema. L-ILLUM ħa numru ta’ reazzjonijiet min-nies fit-terminus tal-Qawra, minn fejn tkun koperta l-aktar lokalità popolata ta’ Malta.
Minn kummenti li tawna xi nies jidher li numru ta’ bidliet intlaqgħu b’mod pożittiv, l-aktar il-fatt li aktar karozzi tal-linja issa qed jgħaddu minn San Pawl il-Baħar u l-ħolqien ta’ rotot li jmorru direttament lejn Tas-Sliema mingħajr il-bżonn li jgħaddu minn Triq it-Torri. F’din it-triq, it-traffiku jista’ jkun problema, apparti li hemm numru kbir ta’ waqfiet li allura jagħmlu r-rotta waħda li ddum aktar. Raġel barrani iżda nstema jilmenta li mal-waqfien tar-rotta numru 12 li tgħaddi minn Triq il-Kosta u tgħaddi għal San Ġiljan, inħolqot problema għal dawk li jaħdmu Tas-Sliema jew inkella San Ġiljan.
L-akbar preokuppazzjoni s’issa jidher li huwa l-fatt li l-ħinijiet ta’ xħin tgħaddi x-xarabank għadhom ma ġewx imwaħħlin fuq kull waqfa bil-konsegwenza li ħafna passiġġieri qed jispiċċaw lanqas jafu f’liema ħin se tgħaddi x-xarabank minn hemmhekk. L-ILLUM għamel kuntatt ma’ rappreżentant tal-customer care tal-kumpanija li tipprovdi t-trasport li spjega kif fil-fatt matul il-ġimgħa d-dieħla se jkunu qed jitwaħħlu l-iskedi ta’ xħin jgħaddu r-rotot minn kull waqfa.
Fuq ix-xarabanks stajna ninnutaw li kien hemm ġeneralment interess qawwi dwar dawn il-bidliet u mhux daqstant ilmenti, anke jekk f’lokalitajiet bħal Buġibba/Qawra wieħed irid jistenna s-sajf jasal biex wieħed jasal għal konklużjoni dwar kemm se jaħdmu sew dawn ir-rotot. Dan minħabba li matul il-perjodu tas-sajf, postijiet bħal Buġibba u Tas-Sliema/San Ġiljan jilħqu l-quċċata f’termini ta’ popolazzjoni (inkluż turisti) u għalhekk id-domanda tiżdied ħafna.
Intant il-Gozo University Group (GUG) ilmenta bil-qawwa għat-tibdiliet fir-rotta X1 li tintuża minn ħafna studenti Għawdxin biex imorru l-Università. Il-GUG qal li apparti li r-rotta twalet bl-inklużjoni tal-Mellieħa, issa x-xarabank mhux qed tieqaf quddiem l-Isptar bil-konsegwenza li, skont il-GUG, qed jinħoloq inkonvenjent għall-istudenti tal-mediċina u għall-pazjenti. Anke l-Front Favur il-Mina bejn Malta u Għawdex ikkritikaw din il-bidla u qal li bil-bidliet, “li titlef il-vapur se jsir in-norma.”
Stqarrija oħra ġiet miż-Żgħażagħ tal-Alternattiva Demokratika (ADŻ) li spjegaw kif “ma tistax tippjana sew b'rotot bi frekwenza ta' karozza kull siegħa, jew inkella rotot li jdumu jduru għomor qabel jaslu sad-destinazzjonijiet ċentrali.” L-ADŻ qalet ukoll li għandha tieqaf il-mentalità li malli tagħlaq it-18-il sena trid bilfors tixtri karozza u sejħet għal modi aktar ġodda u aktar inovattivi ta’ trasport.