Fl-2016, Londra tista’ taqa’ u l-Ghostbusters se jerġgħu jagħmluha
Il-fiolms li se jbikkuna, jdaħħquna u jiddivertuna matul l-2016
minn Albert Gauci Cunningham
Għaddew tlett ijiem biss mill-ewwel jum tas-sena l-ġdida, u s’issa jidher li x-xhur li ġejjin mistennija jkunu mill-aktar eċitanti fejn jirrigwarda films. Skont film partikolari, li fih se jaħdem Gerard Butler u li se joħroġ fl-2016, il-Prim Ministru Ingliż se jitlef ħajtu u jekk Butler, flimkien mal-President Amerikan u aġent tal-MI-6 ma jkunux ta’ suċċess fil-ħidma tagħhom, Londra tista taqa’ wara li jsir attakk fuq kull post famuż fil-belt. Jekk jirnexxielhomx isalvaw lill-belt jew le, għad irridu nistennew sa Marzu, meta l-film bl-isem, ‘London has fallen’ joħroġ għall-wiri. Apparti Butler, dan il-film mistenni jkollu wkoll lil Morgan Freeman bħala wieħed mill-atturi prinċipali.
Intant fost l-aktar films li hemm antiċipazzjoni għalihom hemm uħud bi storja ferm oriġinali, filwaqt li hemm oħrajn li huma mibnijin madwar l-elementi, issa komuni ħafna, li jagħmlu l-films popolari. Bħal dejjem, l-2016 se tkun qed toffri numru ta’ films li jkomplu fejn ħallew films qabilhom jew inkella animazzjonijiet klassiċi, bħal Jungle Book.
Jiġifieri għal dawk minnkhom li ma tħobbu xejn aktar milli tintefgħu d-dar jew tmorru saċ-ċinema wara ġurnata xogħol u taraw film tajjeb, lestu ruħkom għal vjaġġ mimli eroj, imħabba, tradiment, fatati, fantaxjenza u azzjoni. Dawn huma fost l-aktar films mistennija għall-2016.
Il-Kredu tal-Assassini
Dan il-film li għandu lil Justin Kurzel (Snowtown u Macbeth) bħala Direttur, jitratta raġel li jsir jaf kif l-antenati tiegħu kienu assassini professjonali wara li jkun inqabad minn organizzazzjoni sigrieta b’konnessjoni mal-Kavallieri. Callum Lynch, liema parti se tkun f’idejn Michael Fassbender jibda jesperjenza l-avventuri tal-antenat tiegħu Aguilar fi Spanja tas-seklu 15 u jibda jakkwista għarfien inkredibbli biex iħabbatha mal-organizzazzjoni tal-Kavallieri Templari fil-ġurnata tal-lum.
Parti minn dan il-film inħadem f’Malta u fil-fatt, dawk ix-xeni li saru Malta bdew jinħadmu lura f’Settembru tas-sena l-oħra.
Il-ġlieda bejn żewġ super eroj
Għal miljuni madwar id-dinja li jħobbu jsegwu lil Superman u/jew lil Batman, l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena se jkun żmien ta’ stennija partikolari għall-film li se jġib lil dawn iż-żewġ super-eroj wiċċ imb wiċċ u kontra xulxin. ‘Batman v Superman: Dawn of Justice’ se jġib miegħu mumenti eċitanti u effetti viżwali mill-aqwa, filwaqt li se jlaqqa’ żewġ atturi magħrufin li se jilgħabu l-partijiet prinċipali fil-film. Henry Cavill fil-parti ta’ Superman u Ben Affleck fil-parti ta’ Batman.
Li forsi ftit minnkom jafu huwa li fil-fatt dawn iż-żewġ super eroj diġà ltaqgħu fil-ktieb tal-komiks ta’ Frank Miller fl-1986 bl-isem ‘The Dark Knight Returns’. Hawn Batman jgħid lil Superman li jridu jibqa’ jiftakru għal ħajtu kollha bħala l-unika persuna li rebħitlu.
Attakkat u abbandunat minn sħabu stess
Film ieħor li se jkun qed joħroġ is-sena d-dieħla fiċ-ċinemas Maltin u li jidher li għandu storja pjuttost interessanti huwa ‘The Revenant’ bl-attur prinċipali se jkun Leonardo Di Caprio.
Wara li jsofri attakk feroċi minn ors li jħallih prattikament mejjet, Hugh Glass jitħalla abbandunat minn sħabu li oriġinarjament riedu saħansitra jidfnuh ħaj. Minkejja li jsalva, Glass ikollu jaffaċċja kundizzjonijiet mill-aktar tal-biża’ biex jgħix, apparti l-fatt li t-tradiment ta’ sħabu jtaqallu ħafna mir-rieda li jibqa’ għaddej. Glass irid jgħix xitwa kiefra biex jibqa’ ħaj u jitgħallem jaħfer.
L-istorja ta’ Mowgli mill-ġdid
Is-sena d-dieħla l-istorja ta’ Mowgli se terġa’ teċita lil dawk kollha li l-klassiċi ta’ Walt Disney jinżlulhom għasel, u anke jekk mhux se jkun fih il-kant u ż-żfin li kien fih il-film animat, Disney xorta żammet xi ftit jew wis q mal-istorja oriġinali, b’effetti mill-isbaħ. Il-film, li għandu lista ta’ atturi pjuttost famużi li qed jisilfu l-vuċi tagħhom lill-karattri, se jiċċentra mat-tifel Mowgli li jkollu jitlaq minn mal-familja tiegħu ta’ lpup u jibda vjaġġ riskjuż taħt it-tutela tal-pantera Bagheera. Riskjuż għax bħal ma nafu, Mowgli kellu lit-tigra Sheer Khan tiġri warajh, tipprova teliminah għax tara fih theddida.
Matul il-produzzjoni naraw diversi annimali li magħhom jiltaqa’ Mowgli, li sfortunatament għalih, mhux kollha jkollhom l-aħjar interess tiegħu fuq moħħhom. Fost dawn hemm is-serp bl-isem ta’ Kaa, li jipnotizza l-annimali u jikolhom. Fost l-atturi li huma parti mill-film hemm Scarlett Johansson, li tagħmel il-vuċi ta’ Kaa u Idris Elba li jagħmel il-vuċi ta’ Sheer Khan.
Ir-Re tal-ġungla lura fuq l-iskrin
Is-sajf li ġej se jerġa’ jġib miegħu lir-re tal-ġungla, magħruf aħjar bħala Tarzan f’film bid-direzzjoni ta’ David Yates, magħruf għall-film tiegħu ta’ Harry Potter. Il-film ‘The Legend of Tarzan’ idur madwar John Clayton III, jew dak li kien Tarzan qabel u li wara mar jgħix fiċ-ċiviltà u żżewweġ lil Jane. Issa, jerġa’ jkun mitlub biex imur lura fil-ġungla tal-Kongo fejn huwa mistenni li jmexxi kontiġent parlamentari li qed jitratta l-kummerċ. Li ma jafx huwa x’hemm wara din il-mawra, hekk kif dawk li qed jippjanawha, immexxijin mill-Kaptan Leon Rom ma jafux x’hemm fil-ġungla.
Fifty Shades of....black
Naturalment, il-film Fifty Shades of Grey, bilfors kellu jkollu l-parodija tiegħu, u din waslet. Fi ftit ġimgħat oħra se jkun qed joħroġ il-film Fifty Shades of Black li kif jissuġerixxi ismu stess għandu atturi ta’ karnaġġjon iswed. Mill-ewwel reazzjonijiet għat-trailer, ma tantx jidher li se jkun xi film li jifqgħek bid-daħq, speċjalment jekk ma tkunx taf sew il-film Fifty Shades of Grey. Imma wieħed għad irid jistenna lill-film joħroġ biex jagħmel l-aħħar ġudizzju. Marlon Wayans se jkun qed jagħmel il-parti ta’ Christian Black.
Meta l-ħolm ikrah isir realtà
Film ieħor li se jkun qed joħroġ is-sena d-dieħla mill-ġeneru tat-thrillers huwa ‘Before I Wake’. Dan il-film jitratta familja li tadotta tifel bl-isem ta’ Cody ta’ tmien snin. Iżda biż-żmien jibdew jindunaw li Cody ikun qed jibża’ biża’ kbira biex jorqod. Għall-ewwel jaħsbu li jista’ jkun minħabba l-ambjent instabbli li trabba fih. Iżda wara jindunaw li l-problema ġejja mill-fatt li l-ħolm ikrah ta’ Cody jimmanifesta ruħu fir-realtà. Se tkun diffiċli imma mhux impossibbli biex il-ġenituri adottivi ta’ Cody isalvaw il-familja.
In-nisa u l-fatati jiġġielduha dan is-Sajf
Fis-sajf li ġej, għat-tielet darba se jerġa’ jkollna lill-Ghostbusters fl-iskrin ta’ quddiemna. Din id-darba, it-tema se tkun in-nisa kontra l-fatati. Erin Gilbert u Abby Bergman huma awturi ta’ ktieb li fih jipprovaw kemm il-fatati huma reali. Ftit snin wara, Gilbert issib impjieg fl-Università ta’ Kolumbja fl-Istati Uniti, imma ma tantx iddum hekk kif il-ktieb dwar il-fatati ma jġibilhiex wisq risq. Imma mal-invazjoni mill-fatati f’ Manhattan, id-destin ta’ dawn it-tnejn jista’ jinbidel kompletament.
Melissa Mc Carthy se tkun qed tilgħab il-parti ta’ Abby Bergman filwaqt li Kristen Wiig hija l-attriċi li se tagħmel il-parti ta’ Erin.