Mar biex jara l-Madonna u batlulu l-but

Xhud quddiem l-awtoritajiet tal-knisja jallega li ntalab jagħti l-eluf u qatt ma ngħata rendikont ta’ fejn marru

Ftit mumenti wara li l-Knisja ħarġet digriet li fih iddikjarat li d-dehriet tal-Madonna f’Borg in-Nadur, “mhumiex ġejjin minn Alla,” il-Vigarju Episkopali Fr. Renè Camilleri qal lill-ILLUM kif wieħed mix-xhieda li deher quddiem l-awtoritajiet tal-Knisja semma allegat ġbir ta’ flus waqt it-talb tar-rużarju ma’ Angelik Caruana.

Fil-fatt, din il-persuna xehdet li meta kienet f’Borg in-Nadur, waqt li kien għaddej it-talb lill-Madonna, hu ġie avviċinat minn xi persuni li kienu qed jgħinu fl-organizzazzjoni tal-laqgħat ta’ talb u allegatament intalab biex jagħti l-flus. Mitlub jgħid jekk din il-persuna li xehdet quddiem l-awtoritajiet tal-Knisja semmietx jekk l-ammonti ta’ flus ilaħħqu l-għaxriet, il-mijiet jew l-eluf ta’ ewro, Camilleri wieġeb li talba minnhom allegatament kienet “fuq l-eluf.”

Fr Renè Camilleri, f’kuntatt mal-ILLUM, sostna li din l-allegazzjoni ta’ ġbir ta’ flus mingħajr rendikont kienet biss waħda mill-fatturi li waslu biex il-Knisja tasal għad-deċiżjoni tagħha tal-bieraħ. Mistoqsi mill-ILLUM jekk il-Knisja investigatx dawn l-allegazzjonijiet, Camilleri fakkar li mhux il-kompitu tal-awtoritajiet tal-Knisja li tinvestiga allegazzjonijiet simili.

 L-ILLUM staqsiet lil Camilleri jekk ladarba l-Knisja qed tgħid jew prattikament teskludi li d-dehriet huma minn Alla, tikkonsidrax li dak li qed jagħmel Angelik huwa sempliċiment logħba jew inkella minn forza ħażina. Għal din il-mistoqsija, il-Vigarju Episkopali ċċara li ma kienx il-kompitu tal-Knisja li tidħol fil-merti ta’ jekk dak li qed isir f’Borġ in-Nadur hux manuvra jew hux ġej minn forza ħażina. “Nagħmilha ċara li l-Knisja ma daħlitx fil-merti ta’ jekk b’dawn id-dehriet daħaqx bin-nies jew le, li aċċertajna huwa li minn Alla żgur li mhumiex ġejjin.”

Mistoqsi diversi drabi oħrajn kif qed jeskludi d-divinità fid-dehriet imma mhux li setgħu ġejjin minn forzi ħżiena, Camilleri qal li s-sentenza tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi hija dwar il-fenomenu, “mhux dwar il-persuna.” Huwa kompla jgħid li “dak li qed ngħidu huwa li l-fenomenu mhux divin u lanqas wieħed ta’ fidi. Kif jista jkun ta’ fidi? Il-Madonna għandha għalfejn tuża d-demm u x-xewk biex tibgħatilna messaġġ?”

‘Imma l-Knisja sempliċiment ħarġet id-digriet u daqshekk?’, staqsiet l-ILLUM, ‘jew inkella verament hija konċernata? U konċernata għalfejn? Għax qed tara thedida?’ Camilleri jgħid li huwa inkwetat u konċernat mhux minħabba l-fenomenu imma, “għax dan qed jirriduċi l-fidi.” Huwa fakkar kif hemm eluf ta’ fenomeni simili li jiġru matul is-snin, “u sakemm isir talb tar-rużarju, il-Knisja m’għandhiex problema. Imma imbagħad l-implikazzjoni kienet li l-Madonna kienet qed tagħti messaġġ kull ġimgħa. U kellna l-allegat ġbir tal-flus matul it-talb tar-rużarju.” Kien hawn li Camilleri semma x-xhieda ta’ persuna li allegatament intalab eluf u ma ngħatax rendikont.

L-ILLUM staqsiet lil Camilleri biex jispjega kif il-Knisja waslet għad-deċiżjoni li dawn id-dehriet mhux minn Alla u staqsiet ukoll x’kompitu għandhom numru ta’ nies fil-Kurja biex jiddeċiedu jekk dehra hux divina jew le. Camilleri fakkar kif il-Knisja Maltija ilha għaddejja bl-istħarriġ tagħha għal iktar minn tliet snin u fakkar ukoll kif hemm linji gwida magħmulin mill-Vatikan dwar kif għandhom ikunu trattati każi bħal ta’ Angelik. “Imma apparti minn dan, il-Knisja għandha wkoll ċertu responsabbiltà li tara x’qed jiġri meta numru ta’ nies ikunu qed isegwu fenomenu partikolari.”

Huwa fakkar ukoll lill-ILLUM li hemm żewġ rapporti li saru dwar il-każ u li ma kinux pubbliċi. Wieħed minn dawn ir-rapporti, fil-fatt, kien se jkun diskuss fuq il-programm Xarabank imma dan kien imwaqqaf. 

More in Socjali