“Wara diskussjonijiet twal, intlaħaq ftehim li jitnaqqsu 1,635 ħaddiem (mill-Alitalia)”
L-ILLUM tħares lejn iċ-ċifri, figuri u suċċessi tal-Etihad kif ukoll lejn il-bejgħ ta’ parti mill-Alitalia lil din il-kumpanija
minn Albert Gauci Cunningham
Hija l-isponsor ewlieni tat-tim Manchester City FC, rebħet il-premijiet kollha tal-iSkytrax World Airline Awards u fl-2014 biss għamlet iktar minn €1 biljun fi profitti. Din hija l-linja tal-ajru Etihad li skont l-aħħar informazzjoni li ħarġet fil-midja hija dik preferuta biex tkun sieħeb strateġiku tal-Airmalta. Jidher li l-Etihad kienet il-linja tal-ajru li attirat l-aktar interess minn lista ta’ tliet possibiltajiet, jiġifieri din il-linja flimkien mat-Turkish Airlines u l-Air China (jew kwalunkwe linja tal-ajru kbira Ċiniża). Imma x’inhi l-istorja tal-Etihad? Minn fejn bdiet? Qiegħda tirnexxi? U fl-aħħar mill-aħħar, dan huwa investiment fis-sod jew xi ftit dubjuż?
L-ILLUM tħares lejn numru ta’ fatti storiċi u figuri li għamlu din il-linja tal-ajru waħda ta’ suċċess kbir, 12-il sena biss wara li kienet imwaqqfa fl-Emirati Għarab Magħquda.
L-Etihad (EY) hija t-tieni l-akbar linja tal-ajru fl-Emirati u topera b’kollox 1,000 titjira fil-ġimgħa. B’kollox, il-ġwienaħ tal-ajruplani tagħha jittajru lejn 120 destinazzjoni, kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija u għandha b’kollox 119 ajruplan tat-tip Airbus u Boeing li jtajru fihom aktar minn 10 miljun pasiġġier kull sena. In-numru ta’ passiġġieri qed jiżdied tant li fl-2012 din il-kumpanija rreġistrat żieda ta’ 23% fin-numru ta’ passiġġieri meta mqabbel mas-sena 2011.
Nhar il-Ħadd 1 ta’ Novembru, f’analiżi ppublikata f’din il-gazzetta, espert fil-qasam tal-avjazzjoni kien spjega kif apparti mil-linja nazzjonali, Torka il-ftehim ta’ codesharing bejn l-Airmalta u l-Etihad iqajjem ħafna interess. “L-ispekulazzjoni dwar l-Etihad hija ġustifikata għaliex l-EY ma toperax lejn Malta u l-Airmalta ma toperax lejn Abu Dhabi, mela allura għalfejn hemm qbil ta’ codesharing għal titjiriet tal-Airmalta li lanqas biss jgħaqqdu lill-pajjiżi direttament?” kien staqsa l-istess espert f’indikazzjoni ċara li l-Etihad tista’ tkun is-sieħeb magħżul għall-Airmalta.
Jekk il-qbil bejn iż-żewġ linji tal-ajru jseħħ, dan ikun ieħor mil-lista sħiħa ta’ linji tal-ajru li l-Etihad xtrat parti minnhom. Fil-fatt, din it-tieni l-akbar linja tal-ajru fl-Emirati Għarab Magħquda fl-2011 xtrat 29.2% tal-ishma tal-AirBerlin, is-sitt l-akbar linja tal-ajru fl-Ewropa. Sussegwentement, l-istess linja għamlet investiment ta’ xiri ta’ ishma minoritarji tal-Air Seychelles (40%), Aer Lingus (2.9%) u Virgin Australia (10%). Fl-2013 l-Etihad xtrat 49% tal-linja nazzjonali Serba Air Serbia filwaqt li fl-istess sena xtrat 33.3% tal-kumpanija Swizzera Darwin Airline, li llum jisimha Etihad Regional.
Iktar qrib fid-data u anke ġeografikament lejn Malta, fit-8 t’Awwissu 2014 l-Etihad xtrat 49% mil-linja tal-ajru nazzjonali Taljana Alitalia għal investiment inizzjali ta’ €560 miljun.
L-Alitalia timmira għall-ewwel profitt fi 15-il sena
Fid-dawl tal-fatt li l-Etihad xtrat numru ta’ ishma ta’ linji tal-ajru, l-ILLUM ħares lejn ir-riżultati tal-Alitalia wara li din issieħbet mal-Etihad. Fil-każ tal-linja nazzjonali Taljana din qed timmira biex is-sena d-dieħla tagħlaq l-ewwel sena bi qligħ fi 15-il sena. Fil-fatt, l-aħħar li kienet għamlet profitt l-Alitalia kien fl-2002. Skont il-previżjonijiet, din is-sena, il-kumpanija għandha tkun f’sitwazzjoni fejn la tagħmel telf u lanqas qligħ.
Figuri maħruġin fi Frar 2015, inqas minn sena minn meta daħlet l-Etihad fix-xena, juru rekord ta’ 3.3 biljun passiġġier li użaw il-linja tal-ajru. Dan jimmarka żieda qawwija ta’ 170 miljun passiġġier.
L-Etihad investiet bil-qawwi fir-reklamar mill-ġdid tal-Alitalia fejn, biex inġibu eżempju, biddlu l-ajruplani minn ġewwa biex min imur, ikollu esperjenza aktar lussuża, li tirrifletti l-fatt li l-Italja huwa l-pajjiż tal-moda.
Aktar minn hekk, l-Etihad bniet strateġija ċara għal-linja Taljana li tinkludi netwerk ta’ tliet ‘hubs’ fl-Italja: Milan Malpensa, minn fejn jiżdiedu t-titjiriet lejn destinazzjoinijiet imbiegħda (long haul) u Milan Linate, minn fejn tiżdied il-konnetivita’ ma’ ‘hubs’ ta’ linji tal-ajru li huma s-sħab tal-Etihad. L-ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma tespandi n-numru ta’ titjiriet li huma meqsjusin ‘short haul’ u ‘long haul’ biex iżżomm ir-relevanza tas-suq Taljan.
L-Alitalia tibda rotot ġodda
L-akkwist tal-Etihad ġab miegħu rotot ġodda minn Ruma li jinkludu Berlin u Dusseldorf fil-Ġermanja, San Fransisco fl-Istati Uniti u Mexico City u Santiago fl-Amerika t’Isfel. L-Alitalia bdiet ukoll ittir lejn Beijing fiċ-Ċina u Seoul fil-Korea t’Isfel. Mal-investiment tal-Etihad, l-Alitalia żiedet it-titjiriet lejn New York, Abu Dhabi u Rio de Janeiro kif ukoll bdiet erba’ titjiriet fil-ġimgħa lejn Shanghai. Apparti dan, naturalment, l-Alitalia żiedet it-titjiriet lejn Abu Dhabi, meqjus bħala ajruport ċentrali ħafna u li minnu tista’ taqbad titjiriet lejn kull rokna tad-dinja, minn Venezja, Milan, Bolonja u Katanja.
Il-konsumatur gawda żgur
Din iż-żieda fit-titjiriet tfisser li l-konsumatur, jiġifieri kull passiġġier prospettiv, għandu għażla aktar vasta. Dan jista’ jkun tajjeb ħafna għal Malta hekk kif il-Maltin u l-Għawdxin, li llum saru jsiefru aktar minn qatt qabel, se jkollhom għażla ikbar ta’ destinazzjonijiet kemm lejn kif ukoll lil hinn minn destinazzjonijiet meqjusin ‘tradizzjonali’. Jekk l-arranġament bejn L-Air Malta u l-Etihad iseħħ, pajjiżna jkun pass eqreb lejn ajruporti bħal dak ta’ Abu Dhabi li jtir lejn kull kontinent u prattikament lejn kull pajjiż fejn jgħixu n-nies.
Fil-fatt, fl-2014 dan l-ajruport użawh 24 miljun passiġġier, 53 linja tal-ajru, b’titjiriet lejn 85 destinazzjoni f’49 pajjiż. Dan jagħmel lil dan l-ajruport fost l-ikbar fid-dinja.
B’Airmalta li tkun tista’ tagħmel aktar titjiriet u li ttir lejn ajruporti iktar strateġiċi, il-konsumatur jista’ jkun li jmur minn fuq, dejjem jekk ikunu konklużi d-diskussjonijiet mal-Etihad.
Il-ħaddiema se jaqblilhom?
Imma bħal dejjem hemm żewġ naħat tal-munita, għax jekk l-Etihad tat direzzjoni ġdida u ħolqot ħafna iktar opportunitajiet għall-Alitalia, l-akkwist ħoloq ukoll ċertu ammont ta’ inkwiet industrijali u tensjoni.
Skont dak li kienet irraportat Reuters f’Ġunju 2014, ftit qabel ma kien konkluż il-ftehim mal-Alitalia, il-Ministru Taljan għax-Xogħol Giuliano Poletti, fl-ewwel indikazjonijiet semma li kellhom jitkeċċew bejn 2,400 u 2,500 ħaddiem minn total ta’ 14,000. Dan kellu jsir bħala parti mill-pjan biex jitnaqqas it-telf. Il-Kap tal-Alitalia Gabriele Del Torchio kien ikkwotat jgħid hekk fuq La Republica, “Etihad mhumiex flessibbli fejn jidħol it-tnaqqis fl-impjiegi.”
Wara diskussjonijiet twal, li xi minn daqqiet waqqfu l-proċess kollu ta’ negozjati, intlaħaq ftehim li jitnaqqsu 1,635 ħaddiem, b’uħud jingħataw somma filwaqt li oħrajn tmexxew għal setturi oħrajn fl-avjazzjoni. Wara li ntlaħaq dan il-qbil, Torchio kien qal hekk: “it-tkeċċijiet iweġġgħu imma huma neċessarji biex nassiguraw l-iżvilupp u l-futur tas-settur.”
Dan hemm ċans li jiġri fil-każ li l-Etihad tieħu parti mill-Airmalta hekk kif jista’ jkun hemm numru ta’ ċaqliqiet, telf ta’ impjiegi jew tnaqqis ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ numru ta’ impjegati li jaħdmu mal-Airmalta.
Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll iżda, biex it-tixbih ikun iktar ġust, li fl-2012 l-Alitalia tilfet €280 miljun, bit-telf jakkumula għal €843 miljun b’kollox. Fi Frar tal-2013, l-istess kumpanija kellha titlob self ta’ €150 miljun wara li r-riżervi sparixxew u l-kumpanija kienet fi kriżi totali.
Dan it-telf sar wara li konsorzju magħmul minn investitutri Taljani ħadu l-assi taħt idejhom biex joħorġu lill-Alitalia minn falliment. Dakinhar, jiġifieri fl-2009, €652 mid-dejn tal-kumpanija kien trasferit għand dan il-konsorzju.
Is-sitwazzjoni fl-Airmalta, għalkemm xorta mhux waħda tajba, tista’ titqies aħjar minn dik tal-Alitalia u għalhekk huwa possibbli li d-deċiżjonijiet jistgħu ma jkunux daqstant diffiċli u drastiċi. Fil-fatt, f’Marzu tal-2015 l-Airmalta għalqet is-sena finanzjarja b’telf ta’ €16-il miljun, b’żieda ta’ €8.7 miljun fi qligħ fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja kurrenti u previżjonijiet għal telf totali ta’ €4 miljuni fl-aħħar sena li tkopri l-programm ta’ ristrutturar tal-Kummissjoni Ewropea.
It-telf illum huwa ’l bogħod mill-€50 miljun li kienet għamlet fl-2010 meta l-Gvern Nazzjonalista ta’ dakinhar kien qabel mal-programm ta’ ristrutturar tal-KE u sejjaħ it-telf ta’ madwar 1,000 impjieg bħala, “l-prezz għal din l-għajnuna (state aid) li għandha ssalva lil-linja tal-ajru minn kollass imminenti.”
Minn dik is-sena, kemm Gvern Nazzjonalista kif ukoll dak preżenti tejbu fuq id-dehra tal-ajruplani u ‘marketing’ ġdid b’xi ftit ta’ ffrankar li wassal ukoll għal dibattiti fil-pajjiż. Fost dawn kien hemm il-kwistjoni tal-ikel fuq l-ajruplan b’bosta jikkritikaw il-faqar tal-famuż bezzun li ħa post ikla sħuna fl-Airmalta. Kienet ikkritikata wkoll id-deċiżjoni li jitħaddem servizz ta’ massaġġi u terapija fuq l-ajruplan. Wieħed jistenna li jekk jintlaħaq qbil, id-diskussjoni tkun madwar kwistjonijiet ħafna iktar serji minn hekk.
Mil-lat pożittiv, l-Airmalta qed toħroġ b’offerti aktar attraenti li qed iqajmu ħafna interess fost is-suq Malti bi prezzijiet li jitqabblu sew ma’ dawk ta’ linji tal-ajru oħrajn. Fil-fatt f’eżerċizzju li kien ippublikat fuq l-ILLUM ta’ nhar is-26 ta’ Lulju 2015 kien determinat li l-Airmalta kienet qed toffri biljetti bi prezzijiet simili jew irħas lejn Londra, Glasgow u Ruma fil-perjodu bejn is-17 u s-27 ta’ Awwissu 2015.
L-impjiegi mal-Etihad żdiedu bi 3,000 fi 3 snin
Minkejja li hija mistoqsija leġittima jekk hux se jintilfu impjiegi jew le mal-Airmalta jew inkella hux se jkunu mibdulin xi prattiċi, skont l-aħħar informazzjoni tal-kumpanija Etihad, l-impjiegi magħha żdiedu bi 3,000 fi tliet snin.
Fil-fatt fl-2012 kienet tħaddem 10,656 impjegat, li żdiedu għal 13,535 fl-2013 u li reġgħu żdiedu għal 17,712 fis-sena 2014. Dan apparti li l-istess kumpanija żiedet l-ajruplani b’40 u żiedet in-numru ta’ passiġġieri b’4.2 miljun fl-istess perjodu ta’ żmien.
Allura se jaqblilna jew le?
Jekk kemm-il darba jiġi ffirmat dan il-ftehim u l-Etihad issir sieħeb strateġiku, jkunx jaqbel jew le jkun jiddependi minn liema lenti qed tħares. Żgur li l-kumpanija Airmalta jkun jaqblilha għax tingħata spinta ’l quddiem, anke jekk fil-fatt dan hu li ġara f’dawn l-aħħar ħames snin. B’sieħeb strateġiku, l-Airmalta tista’ tkompli tirfina dak li hu tajjeb u tippenetra swieq ġodda.
L-Etihad bħala sieħeb strateġiku se tkun xi ħaġa li tista’ tkun verament pożittiva għall-konsumatur Malti li jrid isiefer, speċjalment għal dak is-settur ta’ nies dejjem jikber li jsiefru lil hinn mill-Ewropa. Għall-konsumatur jista’ jkun aktar komdu u forsi irħas ukoll li jsiefer jekk l-Airmalta jkollha sieħeb daqstant b’saħħtu.
Min-naħa l-oħra, hemm il-ħaddiema tal-linja nazzjonali ta’ Malta. Kemm se jmorru minn fuq jew minn taħt se jkun qed jiddependi ħafna mill-Gvern Malti, speċjalment jekk kif imsemmi iktar kmieni, l-Etihad jerġgħu jkunu inflessibbli dwar in-numru ta’ impjiegi kif kienu mal-Alitalia.