'Għamlu isem' preżentat lil Prim Ministru
Bijogarfiji ta' 40 personalita
More in Socjali
Bijogarfiji ta' 40 personalita
Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ippreżentat bil-ktieb GĦAMLU ISEM mill-awtur Joe Julian Farrugia fil-Berġa ta’ Kastilja.
Dan il-ktieb fih 40 bijografija ta’ personaġġi Maltin u Għawdxin u ġie ppubblikat minn Klabb Kotba Maltin. Fih il-ħajja ta’ nies li lkoll għandhom storja warajhom u li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja. Dawn huma Josie Coppini, Tony Nicholl, Sammy Bartolo, Emvin Cremona, Anton Buttigieg, il-Maġġur Anthony Aquilina, Oscar Lucas, Vitorin Galea, Ġużè Aquilina, Effie Ciantar, Mikiel Pace Crist van Bern, Patri Marjanu Vella, Carmen Carbonaro, Charles Flask, Mikiel Abela il-Bambinu, Karmenu Vassallo, Evan Ciantar, Tommy Hedley, Turu Lentini, Charles Clews, Herbert Ganado, Biċe Bisazza, Wenzu Schembri it-Tobi, John B. Cassar, Andrew P. Vella, Anthony Tahir, Marco Montebello, Oreste Kirkop, Charles Cutajar il-Big Boy, Anthony Zarb il-Walker, Mary Ripard, Victor Apap, Carmelo Kaneni Cauchi, Mario Ellul, Francis Ebejer, Bernard Scerri, Guzeppi Caruana, Mary Meylak, Carmelo Zammit u Vince Laus.
Il-Prim Ministru nnota li minbarra diversi personalitajiet li jaf bihom kulħadd, il-ktieb fih ukoll il-ħajja ta’ oħrajn li forsi huma inqas popolari. Dan jagħmel il-ktieb aktar interessanti li wieħed jaqrah għax l-istorja tan-nies hija dejjem parti mill-istorja tal-pajjiż. F’dawn il-bijografiji, minbarra d-dettalji ta’ kull personaġġ fil-qasam li għalih magħruf, hemm ukoll dettalji dwar il-ħajja personali biex toħroġ l-umanità ta’ kull persuna.
Il-bijografiji li jikteb Joe Julian Farrugia kienu bdew jiġu ppubblikati f’ġurnal lokali madwar tnax-il sena ilu u bħalissa qegħdin jixxandru fuq ir-radju. Fuq talba ġenerali ġew ippubblikati 40 minnhom f’dan il-ktieb.
Kif jgħid Profs. Oliver Friggieri fid-daħla tal-ktieb, GĦAMLU ISEM huwa utli ħafna għall-istudenti, speċjalment għall-proġetti fl-iskejjel.