In-nisa, l-anzjani u l-Għawdxin l-aktar li jaraw TV
Maġġoranza assoluta ta’ dawk taħt l-20 sena ma jarawx TV
More in Socjali
Maġġoranza assoluta ta’ dawk taħt l-20 sena ma jarawx TV
Studju magħmul mill-Awtorità tax-Xandir juri kif it-televiżjoni huwa l-aktar popolari man-nisa, mal-faxxa ta’ nies li għandhom ’il fuq minn 71 sena u fost l-Għawdxin. Fil-fatt, mill-istess studju mpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra mill-Ministru Owen Bonnici, jirriżulta li 66% tal-Għawdxin li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ isegwu xi stazzjon tat-TV partikolari. Iktar minn żewġ persuni minn kull tlieta, jew 77% ta’ dawk li għandhom ’il fuq minn 71 sena qalu li jsegwu t-TV, filwaqt li kienu b’kollox 65.3% tan-nisa li qalu li jaraw it-TV.
Dan jikkuntrasta bil-qawwi mal-faxex iktar żgħar fl-età, hekk kif 58.2% ta’ dawk li għandhom bejn 21 u 30 sena qalu li ma jarawx televiżjoni u dawk li għandhom bejn 12 u 20 sena huma kważi maqsumin, b’51.5% jgħidu li ma jarawx TV u 48.4% jgħidu li jaraw.
Id-differenzi huma wkoll ġeografiċi, tant li b’kuntrast mal-persentaġġ għoli ta’ nies li jaraw TV u li jgħixu f’Għawdex, huma biss 60% ta’ dawk li joqogħdu fl-akwati ta’ Tas Sliema, Gżira, San Ġiljan u Swieqi u li jsegwu xi stazzjon jew programm partikolari.
In-nisa jaraw aktar TV mill-irġiel bl-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir juri kif huma 50.6% tan-nisa li jsegwu mqabbel mat-48% tal-irġiel.
B’kollox ir-riżultati juru kif in-numru ta’ dawk li jsegwu t-televiżjoni għalkemm għadu għoli qabad it-triq tan-niżla. L-istudju juri tnaqqis konsiderevoli ta’ 12.2% fit-telespettaturi meta tqabbel il-perjodu Ottubru-Diċembru tal-2015 mal-istess perjodu fl-2012. B’kollox, tliet snin ilu, kienu 74.4% dawk li qalu li jsegwu TV mqabbel mat-62.2% fl-istess perjodu s-sena l-oħra.
Dawk li stqarru li ma jarawx TV żdiedu minn 23.4% fl-2012 għal 37.8% fl-2015 matul il-perjodu msemmi, filwaqt li żdiedu minn 22.7% fil-perjodu April-Ġunju 2013 għal 37.5% fl-istess perjodu tal-2014.