“Malli tidħol il-vara nemozzjona ruħi u nxerred demgħa” - Ray Bondin
- “Meta twaqqaf il-PN fl-1880, il-fundaturi li kienu Beltin kienu pro kultura Taljana u b’hekk din il-festa kienet marbuta mal-PN”
- Joseph Muscat kien l-ewwel mexxej Laburista li qatt attenda għall-paniġirku ta’ San Pawl
minn John Busuttil
“Għext u kont noqgħod Strada San Paolo. Kont president tal-Għaqda tal-Pawlini u tas-soċjetà ta’ La Vallette. Dan kollu jorbotni ma’ San Pawl”, beda biex qalli Ray Bondin li bla dubju hu persuna li l-Beltin kollha jassoċjawh ma’ San Pawl. Il-familja Bondin minn dejjem kienet familja Beltija minsuġa mal-festa ta’ San Pawl tal-Belt. Barra hekk, Ray għamel 20 sena bħala koordinatur tal-proġetti ta’ rijabitazzjoni tal-Belt u anke membru parlamentari Nazzjonalista mtella’ mid-distrett tal-Belt. Interessanti wkoll li Ray Bondin hu membru fiż-żewġ soċjetajiet - sew dik ta’ San Pawl kif ukoll ta’ San Duminku.
Illum tiġi ċċelebrata l-festa meqjusa bħala waħda nazzjonali tan-Nawfraġju ta’ San Pawl tal-Belt, li tinkludi mhux biss il-festa nnifisha, iżda wkoll il-kultura dwar San Pawl innifsu u dwar il-kultura Pawlina f’Malta u lilhinn minnha. Għalhekk iddeċidejt li dan kollu nħajjarkom tarawh mil-lenti ta’ Ray Bondin - persuna kolta li għex il-festa minn tfulitu, u hu l-persuna li wkoll beda u qed jibni fondazzjoni dwar il-passi ta’ San Pawl li rnexxilu jgħaqqad kultura mil-Lvant għall-Punent. Mill-Palestina u l-Iżrael, sal-Libanu, Turkija, Sirja, Greċja, Sqallija u Malta. Pajjiżi li kollha kellhom x’jaqsmu ma’ San Pawl. “Din il-fondazzjoni dwar il-vjaġġi ta’ Pawlu l-appostlu bdejtha jien, iżda sibt appoġġ sħiħ mill-ispeaker Anġlu Farrugia. Żewġt ibliet fi Sqallija - Palazzo Acredi u Solarina, diġà ngħaqdu fiha u hemm diversi bliet oħra fl-Italja, kif ukoll Tessaloniki li diġà bdejna taħdidiet magħhom,” qalilna Ray li kompla jgħidli li l-ewwel attività se tkun wirja f’Malta ta’ statwi ta’ San Pawl Sqallin u konferenza internazzjonali. “Il-UNESCO tagħti importanza kbira lil dawn ir-rotot kulturali għax dawn jgħaddu kulturi differenti flimkien.”
Staqsejtu xi tfisser il-festa ta’ San Pawl għalih.“Il-festa ma nfalliha qatt. Iżda għalija l-festa mhux il-marċ iżda l-attivitajiet tal-knisja. Ġieli erfajt ftit fl-istatwa, hekk kif il-Belt hija unika fuq hekk, fejn kif l-istatwa tasal fi Triq San Pawl, l-purċissjoni tidħol fil-knisja u tħalli l-vara f’idejn in-nies għal madwar siegħa u nofs. Huma l-ħafna Pawlini li jerfgħu ftit lil patrun tagħhom.”
“L-isbaħ mument hu meta tidħol l-istatwa fil-knisja. Hu mument emozzjonali. L-ewwel inkunu mtertqin li l-istatwa ma jiġrilha xejn - minħabba li l-Knisja tinsab f’telgħa u hemm dawk l-erba’ tarġiet. Imbagħad dak il-mument li tidħol u tibda tindaqq l-antifona u l-innijiet - dejjem inxerred demgħa bl-emozzjoni.”
Dwar l-istatwa nnifisha Ray Bondin qal li għalkemm jingħad li din saret minn zokk wieħed, jista’ jkun li mhux il-każ. “Li hu żgur li l-vara kienet kummissjonata mill-familja Testaferrata lill-iskultur Melchiore Gafà meta kien jgħix Ruma. Ġabuha Malta u għal xi snin żammewha fid-dar tagħhom. Bdiet tintuża għall-purċissjoni fl-1700. Hi magħmulha minn l-injam u hemm kopja tagħha kważi perfetta l-Munxar Għawdex.”
Sadanittant irrakkuntalna storja ħelwa minħabba li l-parroċċa ta’ San Pawl m’għandhiex pjazza. “Jingħad li fi żmien il-Gwerra xi Pawlini kienu jitolbu li taqa’ xi bomba tal-għadu faċċata tal-knisja, biex b’hekk jaqgħu d-djar u ma jinbnewx oħrajn, u b’hekk ikollhom pjazza. Iżda hu fatt li bombi lejn dawn in-naħat ftit jew xejn waqgħu” qal Ray bi tbissima.
Din il-festa hi marbuta ħafna mal-Partit Nazzjonalista, anke jekk illum il-ġurnata dan il-fatt qed jonqos ħafna. “L-istorja tal-festa hi marbuta mal-Partit Nazzjonalista. Dan minħabba li minn meta nbeda l-PN, jiġifieri fl-1880, il-fundaturi li kienu min-naħa tal-Belt kienu pro kultura Taljana. Tant li anke l-banda sal-lum għandha isimha bit-Taljan - Societa Filarmonica la Vallette. U dik ta’ San Duminku sal-lum għandha isem bl-Ingliż, Kings Own Band Club. Dan juri l-qasma bejn il-kultura Taljana, li kien il-bidu tal-Partit Nazzjonalista u l-kultura Ingliża li kienu pro Labour.”
“Sa ftit snin ilu l-akbar parti ta’ nies li jipparteċipaw fil-festa kienu ġejjin mill-kamp Nazzjonalista, tant li kien hawn tliet kapi u tliet prim ministri Beltin u Pawlini - Nerik Mizzi, li kien Għawdxi iżda Belti fl-istess ħin, Gorg Borg Olivier u Lawrence Gonzi.”
“Wara għexieren ta’ snin, il-prim Ministru Joseph Muscat irnexxilu jkisser it-tabù li qatt ma kien hemm kap Laburista li kien preżenti għal konċelebrazzjoni u l-paniġirku ta’ San Pawl u kien l-ewwel kap Laburista li attenda. Muscat wera li dawn huma ħmerijiet tal-passat.”
Ray Bondin qal li hu minn dejjem xtaq ikisser dan it-tabù, tant li hu stess anke jekk kien ġej mill-kamp Nazzjonalista u Pawlin per eċċelenza, inkiteb bħala membru ta’ San Duminku u beda anke jattendi l-festa ta’ San Duminku. “Ħdimt ukoll biex fis-Sette Giugno kont organizzajt kunċert bejn iż-żewġ baned, u komplejt ngħin biex tonqos it-tensjoni ta’ qasma fil-belt li tant inħobb. Jien Pawlin, iżda fuq kollox jien Belti. Għax aħna l-Beltin nibqgħu Beltin anke jekk nitilqgħu mill-Belt u wliedna u wlied uliedna jibqgħu jħossuhom Beltin u jattendu għall-festi tal-belt tagħna u f’San Pawl il-Belt timtela bil-Pawlini Beltin li jiġu mill-irħula kollha f’Malta u Għawdex.”
Ray Bondin lil San Pawl ma jarahx biss bħala vara fil-festa tal-belt iżda jħoss li San Pawl dejjem kellu funzjoni kbira fil-Knisja Kattolika. Meta r-Rumani ħelsu minn Ġesù, kienu jemmnu li r-reliġjon tiegħu mietet miegħu. Iżda tfaċċa San Pawl li beda jdur diversi pajjiżi u jippriedka r-reliġjon Kristjana. Kien hu li żamm ħajja r-reliġjon Kattolika. Filwaqt li kien għaqqad kultura u tagħlim mil-Lvant Nofsani sa Ruma.”
Bondin qal li fl-Ewropa jiġu ċċelebrati diversi festi ta’ San Pawl, “iżda l-festa tan-Nawfraġju hi l-unika waħda fid-dinja li tiġi ċċelebrata, għax kien hawn biss li Pawlu ta’ Tarsu nnawfraga. Isiru ħafna diskussjonijiet jekk hux vera San Pawl innawfraga Malta jew il-Greċja,” qal Ray, “fejn anke nkitbu kotba dwar l-irjiħat kif setgħu wasslu għall-gżira tagħna. Ir-risposta hi sempliċi. Il-Bibbja tagħmilha ċara li minn Malta, l-appostlu Pawlu mar Sirakuża biex ikompli triqtu għal Ruma. Li kieku kien il-Greċja kien imur Kalabrija u mhux jmur Sqallija. Dan jagħti ċertezza li kien fi gżiritna. Anke l-mod kif tkellem fl-Atti tal-Appostli fuq Malta juri li hu kien Malta, meta qal li jeħtieġ li naħbtu ma’ gżira li jisimha Malta.”
Bondin tkellem ukoll dwar li hawn min jitfa’ dubju li l-Maltin kienu tilfu l-fidi Kristjana fiż-żmien l-Għarab u ma żammewx ir-reliġjon li kien tahom San Pawl. “Mhix ħaġa kbira li l-Maltin kienu ddikjaraw li qalbu għal Musulmani għax dak iż-żmien min kien Musulman kien iħallas inqas taxxa. Probabbilment qablilhom jgħidu li saru Misilmin, iżda bil-moħbi bqajna Insara. Fil-fatt jingħad li f’Għawdex anke Isqof kien hemm bil-moħbi.”
Ray Bondin f’din l-intervista tana stampa ċara tal-festa ta’ San Pawl fil-Belt, il-kultura Pawlina fil-belt u anke madwar id-dinja, kif ukoll l-istorja tan-Nawfragu u tal-appostolat ta’ San Pawl.