‘In-nies qed jippreferu jinvestu fil-propjetà milli jġemmgħu’
Il-President tal-MDA jgħid li l-IIP hija fost ir-raġunijiet għal rekord fil-qasam tal-propjetà
More in Socjali
Il-President tal-MDA jgħid li l-IIP hija fost ir-raġunijiet għal rekord fil-qasam tal-propjetà
Fid-dawl ta’ ċifri li ħarġu fil-Parlament, li juru kif is-sena 2015 kienet l-aqwa sena fil-qasam tal-propjetà mill-2008 ’l hawn, il-President tal-Malta Developers Association (MDA) Sandro Chetcuti qal mal-ILLUM illi waħda mir-raġunijiet għal dan huwa li n-nies qed jippreferu jinvestu f’propjetà milli jħallu l-flus il-bank.
Meta mistoqsi għalfejn iħoss li dan huwa l-każ Chetcuti qal kif dawk il-familji fil-klassi tan-nofs li jkollhom madwar €70,000 mġemmgħin illum qed jindunaw li r-ritorn fuq dawn il-flus mġemmgħin huwa baxx wisq. “Għalhekk dawn l-istess nies illum qed jaraw li jista’ jkollhom ritorn aħjar għal flushom jekk jinvestu fi propjetà li jagħmlu l-flus minnha bil-kiri, speċjalment f’dan il-perjodu meta l-qasam tal-kiri huwa b’saħħtu ħafna.”
Apparti dan iżda, Chetcuti qal lil din il-gazzetta wkoll illi s-suq tal-propjetà matul l-2015 kien daqshekk b’saħħtu minħabba fatturi oħrajn, fosthom miżuri li l-MDA stess kienet ipproponiet lill-Gvern. Huwa semma’ l-proposta għall-‘first time buyers’ li skont Chetcuti ħalliet impatt pożittiv ħafna u ntlaqgħet tajjeb kif ukoll l-iskema tal-Individual Investors Programme (IIP). Dan il-programm, magħruf aħjar bħala l-iskema tal-bejgħ tal-passaport, qal Chetcuti, wassal għal interess qawwi fis-settur tal-propjetà mill-barranin, li qegħdin kemm jixtru kif ukoll jikru propjetà f’pajjiżna.
Chetcuti kien ottimist dwar ir-riżultati miksubin fl-2015 u qal illi dawn jikkontrastaw mar-ritmu kajman fis-snin ta’ bejn l-2008 u l-2012 f’dan il-qasam.
€2 biljuni f’valur ta’ propjetà mibjugħa fl-2015
Iċ-ċifri ppreżentati fil-Parlament juru kif bejn l-2008 u l-2015 kien hemm żieda qawwija ta’ €11-il miljun fi dħul mit-taxxa tal-boll li titħallas max-xiri ta’ propjetà. Fil-fatt fl-2008 il-Gvern daħħal ftit inqas minn €46 miljun filwaqt li fl-2015 daħħal €57 miljun.
Iż-żieda kienet immarkata wkoll fil-valur tal-propjetà li saru kuntratt ta’ bejgħ/xiri fuqha - bil-valur totali fl-2008 ikun €1.4 biljun, u fl-2015 ilaħħaq it-€2 biljun - l-akbar ċifra f’dawn l-aħħar seba’ snin.
In-numru ta’ kuntratti li saru kien wieħed rekord ukoll hekk kif fl-2015 saru 15,557 kuntratt ta’ bejgħ, li huwa kważi 900 iktar mill-2014 u 3,500 aktar mill-2008.
Dan it-tagħrif ingħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech.