Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi llum inawgura xogħol ta’ tisbiħ fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Santa Liberata, fil-Kalkara, proġett li sewa madwar €300,000. Iz-zuntier tal-Knisja ta’ Santa Liberata kien fi stat ħażin ħafna u l-iskop tal-proġett kien li jipprovdi post attraenti u mingħajr periklu għal kull min iżur il-knisja.
Iz-zuntier jintuża wkoll minn tfal li jmorru għal-lezzjonijiet tad-duttrina u s-sigurezza tal-post issa ġiet imsaħħa permezz ta’ stallazzjoni ta’ sistema ta’ CCTV cameras u miżuri biex jiġi kontrollat it-traffiku.
Saru xogħlijiet ta’ pavimentar, bini mill-ġdid ta’ ħajt ta’ lqugħ, stallazzjoni ta’ tabelli tat-traffiku, bankini, kontenituri tal-iskart, bollards u tqegħid ta’ asfalt fit-toroq li jwasslu saz-zuntier.
Saret ukoll sistema ġdida ta’ dawl biex tiddawwal kif jixraq il-faċċata tal-knisja.