Deidun kawt dwar il-poteri tal-Awtorità għall-Ambjent

“nixtieq li l-għarbiel jitwessa għal kull attivita’ li tarmi xi sustanza fl-arja, fil-baħar jew fuq l-art biex dawn ikollhom bżonn permess ambjentali ukoll minbarra dak tal-ippjanar”

 

Il-Professur Alan Deidun, li kien maħtur bħala r-rappreżentant tal-għaqdiet ambjentali fuq l-Awtorità ġdida għall-Ambjent u Riżorsi, qal lill-ILLUM li għalissa se jkun kawt dwar il-poteri tal-Awtorità “billi din għadha lanqas ġiet imwaqqfa uffiċjalment.” Hu kompa jassigura iżda li “se nagħti il-101% tiegħi biex l-Awtorità tkun vuċi relevanti fl-era tal-lum. Naf ukoll li hemm ħafna aspirazzjonijiet u tama madwar din l-Awtorità mill-pubbliku u għalhekk ħadd mill-membri l-ġodda ma jixtieq jiddiżappunta. Biex l-Awtorità jkollha aktar poteri, rridu naħdmu aħna biex nikkonvinċu mill-bżonn ta’ dan.”

L-ILLUM staqsiet lil Deidun ukoll kif bi ħsiebu jaqdi ir-rwol tiegħu fl-Awtorità. “Naħseb li l-aħjar mod li nagħmel dan huwa billi nkun jiena nnifsi fidil lejn il-prinċipji ambjentali tiegħi, bħalma dejjem għamilt f’dawn l-aħħar 20 sena. Naħseb li l-NGOs għażluni wkoll ghat-tenaċita u l-grinta li xi drabi naf nuri. Dan m’huwiex ser jonqos fuq kwistjonijiet li jien ma naqbilx magħhom. Wara l-ewwel laqgħa li l-Bord kellu mal-Ministru Leo Brincat il-gimgħa l-oħra, jien bgħatt email lill-NGOs kollha biex naġġornahom fuq dak li ntqal. Hekk ħa nibqa’ nagħmel,” wiegħed Deidun. “Jien għandi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-NGOs u ser naħdem biex nikkonvinċi bil-ħidma tiegħi lill-NGOs ambjentali lokali kollha.”

“X’se jkunu l-projoritajiet tiegħek għall-ewwel sena tal-awtorita?” staqsejnieh. “Jien nixtieq li titwessa s-sistema ta’ permessi ambjentali li taqa’ taħt l-iskrutinju tal-pubbliku,” qal Deidun, “għax bħalissa attivitajiet li jikkwalifikaw taħt is-sistema tal-permessi taħt l-IPPC (Integrated Pollution Prevention and Control) jgħaddu minn dan l-għarbiel. Jien nixtieq li dan l-għarbiel jitwessa għal kull attivita li tarmi xi sustanza fl-arja, fil-baħar jew fuq l-art, anki jekk fuq skala żgħira, biex dawn ikollhom bżonn permess ambjentali ukoll minbarra dak tal-ippjanar. Dan għandu jagħmel lill-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi aktar relevanti fil-kuntest ta’ llum.” Hu kompla, “jiena ukoll ser immexxi l-quddiem il-proposta li għamel riċentement il-Today Public Policy Institute fuq entità ġdida li tissejjaħ Natura 2000, biex javvanza ‘l quddiem l-immaniġġjar taż-żoni protetti f’Malta, għax bħalissa ħafna minn dawn iż-żoni qegħdin isofru min-nuqqas kroniku ta’ fondi għall-immaniġġjar.”

Mistoqsi għall-opinjoni tiegħu dwar il-qasma tal-MEPA f’żewġ awtoritajiet, Deidun qal “Jiena personalment ktibt kemm il-darba li ma naqbilx li l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi ma jkollhiex is-saħħa tal-veto fuq il-ħruġ ta’ permessi ta’żvilupp. Kont ukoll nippreferi li kieku l-NGOs ambjentali ngħataw aktar spazju fl-Awtorità u fl-istrutturi l-oħra tal-MEPA. Naf li hemm individwi validissimi fil-MEPA li l-ħiliet tagħhom ċertament jistgħu jintużaw aħjar. Wieħed irid jara kif ser taħdem din il-famuża ‘MEPA demerger’. Tirnexxi biss jekk l-ambjent jingħata l-importanza li jixraqlu fil-MEPA li bħalissa ddominata mis-settur ta’ l-ippjanar.”

 

More in Socjali