Jew tħallashom daqs il-Maltin...jew xejn

Propost li jieqaf kull tip ta’ ħlas fuq l-idejn

 

Dawk li jiġbru immigranti mill-Marsa biex jagħtuhom ġurnata jew ammont ta’ xogħol se jkollhom jibdew jagħmlu dan billi jmorru f’uffiċċju biex jirreġistraw l-ammont ta’ ħin li jridu jħaddmuhom u jħallsuhom daqs Malti, jew ħaddiem ieħor li jagħmel l-istess xogħol b’mod legali. L-ILLUM hija nfurmata li din il-proposta se titressaq għad-diskussjoni fil-Kabinett fil-ġimgħat li ġejjin u wara tinfetaħ konsultazzjoni għall-pubbliku dwarha.

L-għan tal-proposta huwa li tibda tkun regolata s-sitwazzjoni ta’ immigranti li jkunu qed jistennew fi Triq Aldo Moro u l-madwar. Hawnhekk, ta’ kuljum filgħodu jinġabru għexieren ta’ persuni Afrikani jistennew lil xi ħadd jiqfilhom bil-karozza jew vettura u jagħżilhom għax-xogħol.

Lura f’Diċembru li għadda, l-ILLUM kienet tkellmet ma’ numru ta’ immigranti li qalulna kif għal kwalunkwe xogħol, l-aktar ta’ kostruzzjoni, tibjid u manutenzjoni, kienu jitħallsu madwar €3 fis-siegħa. Qalulna wkoll li kienu jintagħżlu skont l-istatura tagħhom, b’dawk ta’ statura mdaqqsa jinġabru l-ewwel.

Din il-proposta kienet żviluppata minn Jobs+ u approvata mid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni.

B’dak propost, persuna li trid tħaddem immigrant u li sal-lum kienet sempliċiment tagħżlu minn triq fil-Marsa u tħallsu inqas mill-paga minima, se jkollha tibda tmur f’uffiċċju li probabilment ikun ibbażat il-Marsa stess. Hawnhekk, tingħata tip ta’ dokument li fih ikun stabbilit kemm il-siegħa dak l-immigrant ikun se jitħaddem, bi ħlas fiss, iddeterminat diġá fil-proposta li se titressaq quddiem il-kabinett.

Dawk li tkellmu mal-ILLUM ma xtaqux jgħidu kemm hi r-rata li biha se jitħallsu l-immigranti impjegati b’dan il-mod, għalkemm huwa mifhum li kwalunkwe ħlas irid ikun daqs jew aktar mill-paga minima nazzjonali. Bħalissa, skont is-sit tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u xogħol, il-paga minima hija ta’ €4.20 fis-siegħa, għal €168 fil-ġimgħa f’każ ta’ 40 siegħa xogħol. Dan ifisser li jekk din il-proposta tidħol fis-seħħ, uħud minn dawk li qed jimpjegaw immigranti b’mod irregolari mill-Marsa bħalissa se jkollhom jibdew joħorġu, mill-inqas, €1.20 iktar fis-siegħa.

Skont dak li kienu qalu lill-ILLUM numru ta’ immigranti jistennew fil-Marsa l-maġġoranza ta’ dawk li jħaddmuhom u li huma Maltin jagħtuhom rata fis-siegħa li hija tajba u li xi minn daqqiet tlaħħaq anke l-€5 fis-siegħa. Jidher li l-akbar problema hija ma’ persuni Sirjani, li llum jokkupaw ħafna mill-postijiet tax-xogħol fil-qasam tal-kostruzzjoni, speċjalment f’dak li jirrigwarda tibjid, tikħil u ‘finishings’ oħra ta’ proprjetá. Żewġ immigranti li tkellmu magħna kienu qalu hekk: “Is-Sirjani qatt ma joffrulna aktar minn €30 għal ġurnata xogħol. U b’ġurnata xogħol ifisser sa għaxar sigħat bla waqfien.”

Il-ħlas ma jsirx fuq l-idejn, imma permezz tal-uffiċċju

Il-proposta se tfisser li jieqaf kull tip ta’ ħlas fuq l-idejn li għaddej bħalissa. Tant li qed ikun propost li l-ħlas jingħata minn min jimpjega lill-uffiċċju, li mbagħad jgħaddih lill-ħaddiem. Dan ifisser li b’din il-proposta, apparti l-perjodu, il-persuna/kumpanija li qed tħaddem ma jkollha ebda kontroll fuq il-ħlas.

Din il-proposta kienet mħabbra fl-aħħar baġit u ssejħet ‘Immigration Work Office’. L-għan ċar tagħha kien li kull min jixtieq jimpjega immigrant, ikun jista’ jagħmel dan, “sakemm jimxi mal-liġi u sakemm ma jkunux żvantaġġjati l-ħaddiema Maltin u Għawdxin.”

Ma’ din il-proposta, wera l-qbil tiegħu s-Sindku tal-Marsa Francis Debono li mal-ILLUM ta’ nhar il-Ħadd 13 ta’ Diċembru kien qal hekk: “ma narax problema li l-immigranti jinġabru dirett miċ-ċentru miftuħ tal-Marsa għal xogħol temporanju. L-immigranti xorta mhux se jkunu qed jaħdmu bil-ktieb tax-xogħol, imma tal-anqas ikun hemm sistema li biha tkun taf kemm u ma’ min qed jaħdmu.”

More in Socjali