Rapport maħruġ mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tal-Ġeneru jpoġġi lil Malta f’ras il-klassifika f’dak li huwa l-qasam tas-saħħa minn fost it-28 pajjiz membru tal-Unjoni Ewropea. B’kollox, Malta ġabet 95.6 punt segwita mill-Irlanda b’95.2 punt u l-Lussemburgu b’94.6 punt. Il-medja fost il-pajjiżi kollha kienet ta’ 90 punt. Isfel nett fil-klassifika hemm l-Estonja b’82 punt.
Mitlub jikkummenta mill-gazzetta ILLUM dwar dan ir-riżultat, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne qal li dan hu riżultat ieħor li jkompli juri li s-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna sejrin għall-aħjar. “Dak li qed nagħmlu fil-qasam tas-saħħa mhux biss qed ikun rikonoxxut mill-Maltin u l-Għawdxin, iżda qed ikun ukoll rikonoxxut barra minn xtutna. Dan hu ċertifikat ieħor wara li l-ġimgħa l-oħra s-suċċessi fil-qasam tas-saħħa kienu wkoll innotati mill-Kummissjoni Ewropea, u għalhekk dan jimliena b’aktar kuraġġ u determinazzjoni.”
Fearne semma kif fejn tidħol is-saħħa, f’pajjiżna m’hemmx distinzjoni bejn jekk il-pazjent hux raġel jew mara u kulħadd jinqegħda skont l-urġenza tal-każ. “Aħna qegħdin hemm biex nipprovdu servizz xieraq u b’mod dinjituż għal kull pazjent li jkollu bżonn kura jew trattament. Ma nagħmlu l-ebda distinzjoni ħlief fejn tidhol l-urġenza tal-każ.” Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne temm billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa u x-xogħol li qed iwettqu b’risq il-pazjenti Maltin u Għawdxin.