‘Ġejt infittex l-għajnuna wara li rajt lil Hector fuq it-TV’
Dr. Nicholas Briffa jitkellem dwar l-effett pożittiv li ħalliet l-intervista ma’ Hector Bruno fuq Xarabank
minn Albert Gauci Cunningham
Ftit iktar minn ġimgħa ilu, il-pajjiż xegħel f’diskussjoni dwar l-apparenza ta’ Hector Bruno fuq it-televixin wara nuqqas ta’ tliet snin. Iktar milli għax reġa’ deher, l-intervista tiegħu fuq il-programm popolari Xarabank qajmet ħafna interess għax matulha, l-istess bniedem li ġab tant ferħ u tant tbissim tkellem dwar id-dipressjoni li għaddej minnha.
Id-dehra tiegħu tant serviet ta’ ispirazzjoni, li Dr. Nicholas Briffa meta tkellem mal-ILLUM spjega kif ftit jiem ilu marret persuna għandu li qaltlu li wara li rat lil Hector jitkellem b’tant kuraġġ dwar l-isfidi li ltaqa’ magħhom, iddeċieda li jfittex l-għajnuna biex hu wkoll ikun jista’ jiġġieled id-dipressjoni. “Dak huwa s-sabiħ ta’ dak li ġara ġimgħa ilu,” sostna Briffa.
Huwa kompla jgħid ma’ din il-gazzetta li “dak li ġara, ħalla effett pożittiv ħafna, ħafna. Ħafna jħarsu lejn Hector bħala kummidjant, persuna li ddaħħaq u li ġġib il-ferħ, allura ftit jistgħu jaħsbu li wara dak id-daħk jista’ jkun hemm element ta’ dwejjaq jew saħansitra dipressjoni.” Briffa jfakkar kif il-parallel li jagħmlu ħafna bejn l-irwol tal-attur u l-ħajja privata tiegħu huwa mill-aktar żbaljat. “Kulħadd suxxettibbli, kulħadd jista’ jgħaddi minn problemi li jistgħu jwasslu għad-dipressjoni. Dak li għamel Hector,” kompla jgħid il-psikologu, “huwa li kisser din l-idea li għax bniedem idaħħaq, allura huwa dejjem ferħan.” Xi ħaġa li fil-fatt tirrifletti wkoll il-mewt mill-aktar traġika tal-attur magħruf u tant mibki Robin Williams.
Ħafna ma jaslu jammettu qatt, sakemm ikun tard
Dak li għamel Hector Bruno huwa sinifikattiv ukoll għax jirrifletti l-fatt li huma bosta li ma jaslu qatt biex jammettu magħhom infushom (aħseb u ara quddiem Malta kollha) li fil-fatt għandhom dipressjoni. “Dawk li ma jfittxux l-għajnuna, jispiċċaw jibdew ikollhom imġiba ta’ frustrazzjoni u nuqqas ta’ paċenzja,” spjega Briffa, li kompla jfaħħar ukoll dak li għamel l-attur Belti. “Grazzi għal Hector Bruno, issa kulħadd jaf li m’hemmx mistħija, li kulħadd jista’ jkollu problemi u b’danakollu u minkejja kollox mhux se taqa’ d-dinja.” Dr. Briffa jgħid li jaf min għaddej minn żmien iebes u minn żmien ta’ sfida u li sab ħafna komfort fil-kuraġġ li kellu Hector Bruno meta tkellem fuq Xarabank, b’ċerta onestà.
X’inhuma s-sintomi?
- Dwejjaq li jtul għal jum sħiħ, kważi kuljum
- Id-dwejjaq idum għal ġimagħtejn jew aktar
- Taffetwa l-irqad, tqum aktar jew torqod iktar
- Jinbidel l-aptit għall-ikel
- Diffikultà biex tikkonċentra u tagħmel xogħlok sew
- Tensjoni u tħossok ma tistax toqgħod bi kwietek
- Uġigħ u problemi diġestivi
- Telfien ta’ interess sesswali
- Waqfien minn parteċipazzjoni f’attivitajiet soċjali
- Ħsibijiet ta’ suwiċidju
Kif tista żżomm id-dipressjoni ’l bogħod?
- Għix ħajja b’saħħitha, żomm lilek innifsek attiv
- Strieħ u ħu l-ħin tiegħek lil hinn mill-ħin tax-xogħol
- Kun pożittiv u ottimist fil-ħajja
- Ieqaf waħħal fik innifsek il-ħin kollu
- Evita użu eċċessiv ta’ alkoħol u kafè. Tpejjipx. Tiħux droga.
- Involvi ruħek ma’ grupp ta’ ħbieb
- Kun pożittiv dwarek innifsek u ibni stima għolja tiegħek innifsek
- Iftaħ qalbek u tkellem dwar il-problemi li tgħaddi minnhom