F’kummenti lil din il-gazzetta, kelliema għall-Ministeru tat-Turiżmu qalet li minkejja rapporti li dehru din il-ġimgħa dwar diffikultajiet fin-negozjati bejn il-Gvern u s-sieħeb strateġiku ġdid għall-Air Malta, il-Gvern xorta għadu qed iżomm mal-miri li għamel u li kien żvela mal-ILLUM iktar kmieni din is-sena.
Fil-fatt, fil-ħarġa tal-ILLUM tal-10 ta’ Jannar 2016, il-Ministru Edward Zammit Lewis, żvela kif sa Ġunju, jiġifieri xahrejn oħra, il-Gvern qed jippjana li jkollu n-negozjati u d-diskussjonijiet mas-sieħeb strateġiku finalizzati, “biex pajjiżna jkollu Air Malta ġdida.”
Huwa mifhum, għalkemm Zammit Lewis għadu qatt ma’ żvela b’mod definittiv, li s-sieħeb strateġiku li miegħu qed jinnegozja l-Gvern hija l-linja tal-ajru Etihad.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, il-ġurnal The Times irraporta kif il-momentum mistenni fin-negozjati mhux dak li kien mistenni, u li n-negozjati mas-sieħeb preferut qed jieħdu aktar fit-tul.
L-ILLUM hija nfurmata li l-punt li ż-żewġ naħat l-aktar li qed jieħdu fit-tul biex jaqbludwaru huwa l-ħaddiema tal-Air Malta, bin-naħa tal-Gvern ittenni u tkompli tinforza stqarrijiet li diġà saru fil-pubbliku biex kemm jista’ jkun, jintlaqtu l-inqas numru ta’ ħaddiema possibbli.
Fl-intervista mal-ILLUM, Zammit Lewis kien stqarr li għalih, il-ħaddiema huma importanti ħafna u “huma għal qalbi, għamlu ħafna sagrifiċċji, ikkoperaw magħna u wasalna fejn wasalna grazzi għall-ħidma tagħhom ukoll.” Kien żied jgħid ukoll iżda li ma jrid jidħaq b’ħadd, u li l-isfidi huma kbar, “għalhekk qed naraw kif id-deċiżjoni tagħna se timpatta l-inqas lill-ħaddiema.” Ma’ din il-gazzetta huwa kien irrifjuta li jeskludi tnaqqis fin-numru ta’ ħaddiema tal-Air Malta, u kien irrisponda li sa dakinhar kien għadu prematur biex iwieġeb dwar dan.
Il-Kelliema għall-Ministeru tat-Turiżmu żiedet tgħid li, “l-akbar interess tal-Gvern f’dan l-istadju huwa li jagħlaq ma’ sieħeb strateġiku li joffri l-iktar ċertezza dwar id-direzzjoni ’l quddiem tal-linja tal-ajru tagħna. L-Air Malta laħqet l-objettivi tagħha għas-sena finanzjarja li għadha kif għalqet ix-xahar li għadda, u issa għaddej il-proċess biex ikollha ‘business plan’ solida għal din is-sena, li twassal għal vijabbiltà kummerċjali.”