60% tal-qarrejja kontra l-abort f’kull każ
Il-maġġoranza tal-qarrejja tal-illum.com.mt kontra l-abort, anke f’każ ta’ stupru
minn Albert Gauci Cunningham
Il-maġġoranza assoluta tal-qarrejja tal-illum.com.mt huma kontra l-abort, anke f’każ ta’ stupru. Fil-fatt, minn stħarriġ li jtella’ l-istess sit kull ġimgħa, 60% esprimew ruħhom kontra l-abort f’kull każ u kienu biss 35% li qalu li huma favur.
Minn dawk li wrew opinjoni kontra l-abort, anke f’każ ta’ stupru, il-maġġoranza tagħhom, jew kważi 31% ta’ dawk kollha li pparteċipaw sostnew li t-tarbija qatt m’għandha ħtija xi ġġorr, ġara x’ġara li wassal għat-tqala. Persentaġġ ftit iżgħar ta’ qarrejja, jew 29.2% qalu li huma ma jaqblux mal-abort għaliex dan huwa forma oħra ta’ qtil.
Kienu 15.1% biss tal-qarrejja li jħossu li l-abort għandu jitħalla jsir minħabba li din hija l-għażla tal-mara li tkun qed iġġorr it-tarbija, filwaqt li 20% iħossu li l-abort huwa aċċettabbli, sakemm isir biss f’każ ta’ stupru.
Il-kummenti li tħallew minn diversi nies, mal-istħarriġ, kienu diversi u differenti. Antonella Agius qalet li jekk ma tridx li tagħmel abort, “ma tagħmlux, imma jekk ikollok bżonnu, għamlu. Li tagħmel abort jew le hija l-għażla tiegħek.” Ma’ din l-opinjoni, ma qablitx Margaret Attard li fakkret kif minkejja l-argument ta’ bosta “li ġismi huwa tiegħi mela nagħmel li rrid bih,” anke t-tarbija, “għandha dritt tgħix,” sostniet Attard.
George Caruana argumenta dwar il-fatt li l-abort huwa aċċessibbli barra l-pajjiż u staqsa jekk min irid jagħmel abort hux se joqgħod lura, sempliċiment għax il-proċess mhux legali f’Malta. “Aħjar ikollna aċċess għal dawk in-nisa li jkunu jixtiequ jagħmluh,” qal Caruana, li sab mill-ewwel lil Marcon Zammit twieġbu. “Ma nafx kif tista’ taqbel li toqtol tarbija u kif l-omm tkun komda tagħmel hekk. Tarbija dejjem tibqa’ innoċenti u għandha dritt għal-ħajja.”
Jesmond Bezzina qal li t-tarbija mhix il-ġisem tal-mara. “Tarbija mhux imwielda, hija persuna differenti minnek. Int qiegħda ġġorr it-tarbija f’ġufek u sejħilha li trid, imma t-terminazzjoni ta’ tqala mhi xejn għajr qtil ta’ uman vulnerabbli.” Pronta kienet ir-risposta ta’ Antonella Aguis li fakkret lil Bezzina li, “hija l-mara li ġġor it-tarbija, mhux int, hi għandha dritt li tagħżel jekk tridx it-tarbija jew le. Din mhix problema li tikkonċerna lilek, għax int raġel.”
Ir-riżultat tal-istħarriġ, għalkemm mhux xjentifiku jixbah ħafna, wieħed li sar mill-gazzetta MaltaToday u li fil-fatt, sar xjentifikament juri kif huma 58.8% tal-Maltin li huma kontra l-abort, anke f’każ ta’ stupru, filwaqt li 30.6% huma favur. Kienu b’kollox 10.6% li ma kellhomx opinjoni. Dan l-istħarriġ wera kif l-aktar sezzjoni tal-popolazzjoni li huma favur abort f’każ ta’ sturpru hija dik b’livell terzjarju ta’ edukazzjoni. Fost dawk fl-età ta’ bejn 18 u 35, 60.5% huma kontra, anke f’każ ta’ tqala b’riżultat ta’ stupru.