'Ma nħares lejn wiċċ ħadd' - Reno Bugeja

Peppi jgħid li ħobbni jew obgħodni l-aqwa li tarani

Minbarra l-Ġimgħa filgħaxija, l-ogħla udjenzi ġew irreġistrati fl-istazzjon nazzjonali fit-tmienja ta’ filgħaxija, jiġifieri għall-aħbarijiet, bl-akbar udjenzi fil-ġurnata minn fost l-istazzjonijiet kollha, fejn f’diversi ġranet jaqbeż il-100,000 persuna.

Għal dan, il-kap tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ TVM, Reno Bugeja esprima s-sodisfazzjon tiegħu mal-gazzetta ILLUM. Huwa sostna li minkejja l-kompetizzjoni għall-aħbarijiet dejjem tikber minn sorsi differenti, partikolarment issa bil-mezzi soċjali,  anke mis-sit online tal-istess stazzjon, “l-aħbarijiet tat-tmienja għadu sors ta’ informazzjoni li jagħti stampa ċara ta’ dak li jkun qed jiġri fil-pajjiż.” Il-kap tat-taqsima tal-aħbarijiet kompla jgħid li ċ-ċifri li ġab l-aħbarijiet, “jitkellmu waħedhom, u juru li aħna m’għandniex aġenda, u ma nħarsu lejn wiċċ ħadd.”

Meta mistoqsi minn din il-gazzetta dwar il-bosta akkużi mill-Partit Nazzjonalista li l-aħbarijiet ikunu żbilanċjati u imparzjali, Bugeja wieġeb li, “dawn il-protesti qatt ma ġew ippruvati u dejjem kienu bla bażi, u l-Awtorità tax-Xandir qatt ma sabet żbilanċ fl-aħbarijiet.”

Reno Bugeja kompla jgħid li l-udjenza hija waħda kbira għaliex, “in-nies jafu jagħmlu l-ġudizzju,” waqt li sostna li, “l-obbligu tiegħi hu li nagħti servizz pubbliku mingħajr ma nħares lejn wiċċ ħadd.”

L-istħarriġ tal-Awtorità jsir fuq bażi ta’ telefonati lil persuni bejn it-12 u d-90 sena, u jiġu mistoqsija diversi mistoqsijiet dwar dak li jaraw fuq it-televiżjoni, u anke dwar il-preferenzi tagħhom fejn jidħlu l-programmi. Għalhekk, meta wieħed jikkunsidra l-programmi li n-nies wieġbu li huma jippreferu jaraw, wieħed isib lista sħiħa ta’ programmi tad-drama, bi programmi ta’ diskussjoni u l-aħbarijiet jidhru lejn l-aħħar ta’ din il-lista. Minkejja dan, meta wieħed jara l-udjenzi fil-ħinijiet kollha tal-ġurnata, jinduna li għalkemm il-programmi ta’ drama jiksbu udjenzi kbar, programmi oħrajn, inkluż l-aħbarijiet, spiss jgħadduhom.

B’hekk il-lista ma tiġix waħda rappreżentattiva ta’ dak li verament jara l-pubbliku, imma sempliċiment ta’ dak li jieħdu gost jgħidu li jaraw.

“Ħobbni jew għobodni, l-aqwa li tarani.” Hekk qal il-preżentatur tal-iktar programm li hu segwit min-nies, skont l-aħħar stħarriġ tal-awtorità tax-xandir, Peppi Azzopardi. Mill-istħarriġ deher li Xarabank huwa l-iktar programm segwit fuq l-istazzjonijiet kollha, fil-ġranet kollha tal-ġimgħa, saħansitra iktar mill-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali. Il-preżentatur sostna li hemm differenza kbira bejn dak li n-nies jgħidu li jieħdu gost jaraw, u dak li fil-fatt jaraw, għaliex ċerti programmi, anke jekk jikkritikawhom, xorta jarawhom. F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, Azzopardi jgħid li minkejja li l-programm ilu għaddej 19-il sena, “huwa inkredibbli kif jerġa’ jkun dikjarat bħala l-aktar programm segwit.” Mistoqsi x’inhu s-sigriet tas-suċċess tal-programm, li sena wara l-oħra jibqa’ jattira l-akbar numru ta’ udjenzi, Peppi qal, “naħseb li Xarabank jiġi l-ewwel fl-udjenzi għax għaraf jibqa’ jirnexxielu jinbidel kull ġimgħa, u jifhem fuq xiex iridu jitkellmu n-nies. It-televiżjoni hi dwar in-nies, u Xarabank huwa l-programm fejn in-nies jistgħu jesprimu ruħhom.” Kompla jgħid li s-saħħa tal-programm tiġi mis-saħħa li jagħtuh in-nies li jsegwuh u allura, “qatt ma ddejjaq jiddiskuti l-aktar suġġetti kurrenti u li jaħarqu.” Sostna wkoll li huwa programm kredibbli, bil-fatt li f’19-il sena, qatt ma nsab ħati ta’ żbilanċ, li jsostnilu l-argument.

Minkejja dan, il-programm Xarabank spiss jiġi kritikat, kemm fuq il-kwalità tiegħu u l-mod kif inhu mmexxi fost l-oħrajn. Allura x’jaħseb dwar din il-kritika Peppi? Isostni li l-kritika, kemm fuqu kif ukoll fuq il-programm issaħħaħ il-popolarità tal-programm u żżommu relevanti. “Hemm ħafna nies iħobbu Xarabank, u hemm ħafna nies li ma jniżżluhx. Iż-żewġ estremi huma importanti. Dawk li jħobbuh, jarawh għax għandhom pjaċir bih, u dawk li ma jniżżluhx, jarawh biex jikkonfermaw kemm għandhom raġun ma jniżżluhx. Aħna nirrispettaw liż-żewġ naħat, l-aqwa li jibqgħu jsegwuna,” temm jgħid Peppi Azzopardi.

More in Socjali