Il-produtturi ta' Strada Stretta sorpriżi bis-suċċess enormi tas-serje

L-istħarriġ tal-Awtorita' tax-Xandir poġġa lil Strada Stretta fit-tielet post fost il-programmi kollha, fuq l-istazzjonijiet kollha Maltin

L-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir ippublikat il-ħimgħa l-oħra wera li għajr għall-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali u l-programm ta’ diskussjoni Xarabank, in-nies jibqgħu jagħżlu d-drama bħala l-preferenza tagħhom fuq it-TV. Fil-fatt, il-serje Strada Stretta li kienet fl-ewwel sena tagħha matul din l-iskeda kisbet l-aktar udjenzi minn fost il-programmi ta’ drama kollha. Dan minkejja l-fatt li l-programmi l-oħra tad-drama fuq l-istazzjon nazzjonali kienu jinsabu fit-tieni staġun tagħhom jew anke saħansitra fit-tielet, u għaldaqsant kienu diġà kisbu ċerta popolarità u ‘fanbase’ qawwija fis-snin ta’ qabel.

Dwar dan ir-riżultat, Steve Dalli, wieħed mill-produtturi ta’ Strada Stretta qal li minkejja li kienu jafu li l-proġett kien wieħed tajjeb li fuqu ħadmu qatigħ, kienu sorpriżi ħafna bir-riżultat u dan kien grazzi għal tim maqgħud.

Dwar l-istaġun li ġej u l-aspettattivi li għandhom, Dalli qal li qed jaħdmu dwar it-tieni staġun ta’ din is-sensiela li mistenni jkollu l-introduzzjoni ta’ bosta karattri ġodda, “u minn hawn, l-istorja tista’ tieħu diversi xejriet hekk kif spiċċa miftuħ ħafna, bil-karattru prinċipali ta’ Lydia ma nafux lil min se tiżżewweġ, jekk hux lil Mario jew lil Guido.”

Dwar is-suċċess li akkwistat din is-serje f’temp relattivament qasir, Dalli qal li, “sabiex ksibna dan ir-riżultat ħdimna ħafna u ppruvajna noffru xi ħaġa differenti milli qed jagħmel ħaddieħor, b’kunċett oriġinali u b’xagħar, irtokk u kostumi tal-epoka.”

More in Socjali