120 kirurgu minn madwar id-dinja mistennija jingħataw taħriġ speċjalizzat f’Malta

More in Socjali
Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta, id-Dipartimemt tas-Saħħa u l-Assoċjazzjoni Taljana għall-Uroloġisti u Andrology, madwar 120 kirurgu minn madwar id-dinja, mistennija jibdew jingħataw taħriġ speċjalizzat f’pajjiżna.
Ftit tal-jiem ilu fl-Università ta’ Malta kien qiegħed isir taħriġ speċjalizzat f’minimal ‘invasive surgery’, għal tobba Maltin u Taljani.
F’dan it-taħriġ speċjalizzat, kirurgi Maltin kif ukoll Taljani setgħu jagħmlu taħriġ prattiku fl-ispeċjalità tal-Uroloġija, fosthom dwar ‘key hole surgery’ fuq il-kliewi u prostata.
Il-ħsieb tal-kollaborazzjoni bejn speċjalisti Taljani u Maltin huwa li t-taħriġ jinfirex għal speċjlizazzjonijiet oħra fosthom fil-‘gynaecology’ u ‘endoscopy’.
Il-pjan huwa li jsiru sitt sezzjonijiet ta’ taħriġ ta’ dan il-livell kull sena, b’120 kirurgu jieħu t-taħriġ f’pajjiżna.
“Għal Malta dan mhux biss ifisser li l-kirugi tagħna jkunu jistgħu jingħataw dan it-taħriġ b’xejn, iżda jfisser li kirurgi minn madwar l-Ewropa jaraw lil Malta bħala ċentru ta’ taħriġ tal-ogħla livell,” qal is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne meta mitlub jikkumenta fuq din l-inizjattiva.
Huwa qal li din hija biss ħolqa waħda f’katina ta’ proġetti li qegħdin ikomplu jgħollu ’l fuq isem pajjiżna fil-qasam tas-saħħa.
Fix-xhur li ġejjin se jibda l-bini fuq l-iskola medika, Barts. Il-Barts School of Medicine li tagħmel parti mill-Queen Mary University hija istituzzjoni medika ta’ kalibru u magħrufa mad-dinja kollha.
Fl-2008 Barts kienet ikklassifikata fl-ewwel post għall-kwalità fir-riċerka medika f’Londra u madwar ir-Renju Unit kollu kif ukoll bħala waħda mill-akbar skejjel mediċi f’Londra.
Is-sena li għaddiet ukoll kien tħabbar investiment kbir ieħor fil-qasam tas-saħħa, il-bini ta’ sptar privat fi Smart City. L-Isptar Ġwanni Pawlu II, għandu warajh ismijiet rinomati bħal Johnson & Johnson u l-Università La Sapienza ta’ Ruma.
Fl-aħħar ġranet sar magħruf ukoll li l-Fakultà tal-Mediċina u Kirurġija tal-Università ta’ Malta, saret iċ-ċentru internazzjonali għall-eżamijiet kliniċi għar-Royal College of Physicians tar-Renju Unit. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, 44 tabib minn pajjiżi differenti, fosthom sitt tobba Maltin, poġġew għall-eżamijiet tar-Royal College of Physicians f’Malta.