Il-prezz taċ-ċilindri tal-gass ser ikun qed jerġa’ jorħos b’effett minn għada, l-1 ta’ Mejju 2016 u l-prezz ta’ ċilindru tal-gass ta’ 12Kg se jkun ta’ €14.50, minflok €15. Dan ir-roħs se jibqa’ stabbli fuq medda ta’ diversi xhur. Il-Gvern ħabbar dan ir-roħs u qal li dan il-prezz stabbli għax-xhur li ġejjin huwa parti mill-politika ta’ stabbilità fuq il-prezzijiet tal-gass mill-Gvern.
Dan huwa l-orħos prezz taċ-ċilindri tal-gass f’dawn l-aħħar ħames snin.
Il-Gvern, fi stqarrija qal li dan ir-roħs ġie sabiex il-familji u n-negozju jkunu f'pożizzjoni li jkunu jistgħu jqassmu l-ispiża tagħhom aħjar. "Permezz tal-politika ta’ stabbilità kemm il-familji kif ukoll in-negozji qed ikollhom l-opportunità li jippjanaw u jqassmu l-ispiża tagħhom fuq medda ta’ xhur kuntrarjament għal dak li kien jiġri fi żmien Gvernijiet precedenti meta kull l-aħħar tax-xahar kien jinbidel kemm il-prezz tal-fuels kif ukoll il-prezz tal-gass," kompliet tgħid l-istqarrija.
"Il-Gvern qiegħed jaħdem biex il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin ikomplu jibbenefikaw minn politika ta’ stabbilità fejn il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin ma jesperjenzawx tibdil fil-prezzijiet kull l-aħħar tax-xahar," temmet tgħid l-istqarrija tal-Gvern.