L-operat tal-‘cargo handling’ fl-Air Malta mistenni jirdoppja
Ftehim fi ftit ġimgħat ma’ kumpanija barranija li mistenni jwassal għal żieda fl-impjiegi...l-unjins tal-ħaddiema jilmentaw li hemm inċertezza fost il-membri tagħhom
minn Albert Gauci Cunningham
Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li iktar tard dan ix-xahar mistenni jkun iffirmat ftehim ma’ kumpanija barranija li se tixtri l-ispazju użat fl-ajruplani tal-Air Malta għat-tgħabija biex tkun tista’ tbigħu hi. Dawk li tkellmu mal-ILLUM sostnew li dan ifisser li se jkun qed jikber sew l-operat ta’ din it-taqsima tal-Air Malta biċ-ċans ikun li jizdiedu wkoll il-ħaddiema fil-‘cargo handling’.
Is-sorsi li tkellmu magħna qalu li dan il-ftehim mistenni jkun iffirmat aktar tard dan ix-xahar jew kmieni x-xahar id-dieħel u se jinvolvi kumpanija li topera madwar id-dinja, li xogħolha jinvolvi t-trasportazzjoni tal- merkanzija u tagħbija minn pajjiż għall-ieħor madwar id-dinja.
L-unions imħassbin fuq il-futur tal-ħaddiema
“Ninsabu diżappuntati bis-sitwazzjoni ta’ bħalissa hekk kif fost il-200 ħaddiem li nirrapreżentaw, hemm inċertezza kbira.” Hekk sostna ma’ din il-gazzetta, il-President tal-Union tal-Cabin Crew Noel Mercieca meta mistoqsi fiex jinsabu d-diskussjonijiet dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta. Fuq l-istess linja tkellem ukoll il-President tal-Airline Pilots Assosciation (ALPA) Domenic Azzopardi li saħaq kif dak kollu li qed isiru jafu l-unions, qed isiru jafuh permezz tal-media.
Intant f’risposta għall-mistoqsijiet tal-ILLUM il-kumpanija Air Malta saħqet li għadu kmieni “biex f’dan l-istadju jibdew it-taħdidiet mal-unions rispettivi tal-ħaddiema.” Dan hekk kif l-istess kumpanija fakkret li s’issa għadu biss ġie ffirmat il-Memorandum of Understanding bejn il-Gvern Malti u l-Alitalia u għalhekk issa beda l-proċess tan-negozjati bejn iż-żewġ partijiet.
Mal-ILLUM, Mercieca qal li dak li qed jisma’ dwar il-ftehim biex l-Alitalia tieħu 49% tal-ishma tal-linja nazzjonali tal-ajru qed jisimgħu mill-midja. “Xejn ma kien ikkomunikat magħna u għall-unika laqgħa li saret, konna infurmati biss ftit qabel, tant li kont xogħol fuq titjira u ma stajtx nattendi.” Minkejja dan, l-ILLUM hija nfurmata li ftit mumenti wara li l-kumpanija Air Malta rrispondiet lil din il-gazzetta, bagħtet l-istess risposti jew risposta simili ħafna lill-unions kollha li jirrapreżentaw lill-ħaddiema.
Mercieca saħaq li waħda mir-raġunijiet għall-inċertezza huwa l-fatt li l-ftehim kollettiv għall-cabin crew ilu skadut snin. “Kienu qalulna li sa Frar se nlestu u kollox ikun finallizzat, imma qegħdin f’Mejju u għadna fid-dlam.”
Mistoqsi x’informazzjoni qed jingħata dwar il-ħaddiema li jirrapreżenta, Azzopardi saħaq ukoll li hu ma jaf kważi xejn. “M’għandna l-ebda tip ta’ informazzjoni. Xejn. Lanqas dwar il-mudell li bih se jkun qed isir din l-amalgamazzjoni ma nafu,” sostna l-President tal-ALPA.
Intant Sandro Vella, is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-General Workers Union (GWU) ukoll saħaq li bħalissa ftit li xejn hemm informazzjoni, apparti l-email li bagħtet l-Air Malta ftit jiem ilu. Minkejja dan, Vella deher aktar dispost li jifhem dan id-dewmien. “Dawn affarijiet li jieħdu ż-żmien u mill-esperjenza, naf li dan huwa l-każ.”
Jew insiru ‘hub’ jew nibqgħu linja żgħira
Intant dwar ix-xenarju kollu preżenti u dwar is-sieħeb strateġiku, Vella spjega lill-ILLUM li bħala pajjiż għandna għażla, waħda minnhom hi li nerġgħu nsiru ‘hub’ u l-ajruport Malti jsir post minn fejn in-nies mhux biss jiġu jew jitilqu minn Malta, iżda wkoll fejn nies jieqfu qabel ma jaqdu triqithom lejn id-destinazzjoni aħħarija. “Irridu niddeċiedu. Jew irridu nikbru u nsiru hub kif konna pruvajna nagħmlu u ma rnexxielniex bl-għajnuna ta’ sieħeb strateġiku, jew inkella rridu nibqgħu linja tal-ajru żgħira li topera biss minn u lejn pajjiżna.”
Vella qabbel l-ajruport Malti mal-Freeport. “Huwa 3% biss tax-xogħol li jgħaddi mill-Freeport li huwa destinat lejn Malta, il-bqija juża l-Freeport Malti bħala hub. L-ajruport għandu jkun l-istess. Kieku l-Freeport jiddependi biss mill-merkanzija direzzjonata lejn Malta, kieku lanqas jibqa’ jeżisti kif nafuh.”