Illejla se jkun il-mument tal-prova għall-kantanta Maltija, li wara li affaċjat lil ġurija fil-wirja tagħha tal-bieraħ, Ira Losco se tkun qed tiġġieled għall-voti tal-pubbliku permezz tat-televoting, li se jkunu qed jammontaw għall-50% tar-riżultat.
Bosta opinjonisti u segwaċi midħla tal-Eurovision sostnew li din mhix se tkun semifinali faċli għal Ira, sabiex tgħaddi għall-finali tas-Sibt. Minkejja dan, hemm sens ġenerali pożittiv tal-prestazzjoni li tat Ira Losco lbieraħ filgħaxija.
Deo Grech, f'kummenti lis-sit illum.com.mt qal li l-prestazzjoni tal-bierah kienet ħafna aħjar minn dak li segwejna s'issa. "Fil-fatt tneħħiet il-kappa enormi li kienet qed tintlibes, u Ira qed tidher aktar kunfidenti u aktar komda bl-apparenza tagħha. Inbidlu wkoll id-dwal, u l-atmosfera fuq il-palk fiha ħafna aktar ħajja."
Grech, li jinsab fi Stokkolma sabiex isegwi direttament is-serata tal-lejla u dak kollu li se jkun qed isir fil-jiem li ġejjin qal li skont il-bookmakers, Malta għandha tgħaddi għall-finali tas-Sibt. "L-akbar applawsi lbireaħ qalgħuhom il-kanzunetti tar-Russja, l-Awstrija u l-Iżlanda. Aħna l-Maltin qed nittamaw li isem pajjizna jitħabbar mal-finalisti aktar tard illejla ħalli b'hekk, l-avventura t'Ira Losco tkompli s-Sibt li ġej."
Dwar il-voting trends, Grech qalilna li, "minn statistika miġbura bbażata fuq voting trends, Malta għandha ċans li tgħaddi għall-finali ta' 1:5." Dan hekk kif tmien pajjiżi li qed jieħdu sehem ma' Malta f'din l-ewwel semifinali, dejjem għamluha sal-finali tul dawn l-aħħar 5 snin u jkun jonqos 2 postijiet biss x'jimtlew minn fost l-10 li jibqa'. "Żgur mhix se tkun faċli," temm jgħid Grech.
Intant, f'kummenti li għaddiet fuq il-paġna ta' Facebook 'Eurobitchin', li tiddiskuti dak kollu relatat mal-Eurovision, Ira Losco filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li awgurawlha jew anke ġabulha tbissima permezz ta' din il-paġna, qalet li dik tal-lejla mhix semifinali faċli. Iżda minkejja dan, żiedet tgħid li "id-delegazzjoni Maltija għamlet mill-aħjar li setgħet biex illejla jkollna ċans tajjeb."