"Studju dwar l-Impatt Ambjentali (EIA) huwa kruċjali qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-proposta tat-trasferiment tal-faċilitajiet għall-ħażna tal-fuel tal-Enemed minn Birżebbuġa lejn Ħas-Saptan fil-limiti ta’ Ħal Għaxaq." Dan stqarruh Din l-Art Ħelwa, Nature Trust u Birdlife fi stqarrija konġunta.
Sostnew li biex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni infurmata, dan l-iżvilupp għandu jkun soġġett għall-istudji kollha neċessarji minħabba l-impatt li se jkollu fuq l-inħawi. Aktar u aktar meta s-sit – li jintuża regolarment għal skopijiet ta’ rikreazzjoni – hu klassifikat bħala zona ta’ importanza ekoloġika u xjentifika, kif identifikat fil-Pjan Lokali għan-Nofsinhar ta’ Malta. Dan ifisser li l-abitat naturali tiegħu hu wieħed partikolari li għandu jiġi mħares.
Iż-żewġ għaqdiet ambjentali qalu li l-iżvilupp propost fuq art agrikola f’nofs wied u żona rurali se jkollu impatt konsiderevoli li jolqot diversi aspetti ambjentali u għalhekk mhux aċċettabbli li b’xi mod jiġi eżentat mill-istudji neċessarji. "Għalkemm is-sit f’Ħas-Saptan diġà jilqa’ infrastruttura għall-ħażna tal-fuel, ħafna mill-istrutturi eżistenti jinsabu taħt l-art kuntrarju għall-faċilitajiet li qed jiġu proposti.
Sew BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa u Nature Trust (Malta) kif ukoll diversi entitajiet oħrajn, fosthom il-Kunsill Lokali tal-Gudja, qajmu numru ta’ oġġezzjonijiet għal dan it-trasferiment u ressqu sottomissjonijiet tekniċi dettaljati.
Fis-sottomissjonijiet tagħhom, dawn kienu argumentaw li żoni bħal dawn jinħtieġu protezzjoni minħabba l-importanza tagħhom sew mill-aspett ekoloġiku kif ukoll f’termini ta’ landscape b’karatteristiċi u valur xjentifiku li jinkudu speċi indiġeni għall-gżejjer Maltin u oħrajn uniċi għar-reġjun tal-Mediterran. L-istess tliet NGOs issa qed jappellaw lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Awtorità l-ġdida tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jiskartaw kull possibbiltà li jingħata xi waiver fuq il-ħtieġa li jsir Studju dwar l-Impatt Ambjentali (EIA).
"L-Awtorità għandha r-responsabbiltà li tħares dawn is-siti u għalhekk għandha l-obbligu li tiżgura li l-Enemed tirrispetta l-kriterju tal-istudji ambjentali qabel ma jitwettaq il-proġett. Dan apparti li trid tiżgura li l-abitat naturali ma jintlaqatx b’dan l-iżvilupp, u fejn ikun hemm il-probabbiltà li dan iseħħ, jittieħdu dawk il-miżuri kollha possibbli biex tilqa’ għal dan u taċċerta li d-danni ambjentali jiġu indirizzati," komplew isostnu BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa u Nature Trust (Malta).