Hekk kif ilbieraħ filgħaxija l-poplu Malti kien ħerqan jistenna l-wirja ta' Ira Losco, li kienet waħda eċċellenti, u wara t-tħabbira tar-riżultati, issa hemm stennija kbira għall-finali tas-Sibt, bit-tir tal-pajjiżi kollha li jkunu waslu għal dan l-istadju, li finalment jirbħu.
Wara qtugħ ta' nifs fit-tħabbira tar-riżultati, Malta ġiet imħabbra bħala finalista, biex kienet id-diska Maltija li tħabbret l-aħħar. Id-disa' pajjiżi l-oħra li flimkien ma' Malta diġà għamluha sal-finali huma: l-Ażerbajġan, ir-Russja, l-Olanda, l-Ungerija, il-Kroazja, l-Awstrija, l-Armenja, ir-Repubblika Ċeka u Ċipru.
Wara s-serata, kien hemm ukoll il-konferenza tal-aħbarijiet u l-poloz tal-ordni kif se jkunu qed ikantaw il-pajjiżi nhar is-Sibt li ġej fejn Malta se tkun qed tkanta fit-tieni nofs tal-ispettaklu. F'kummenti li għaddiet ftit qabel din il-konferenza stampa, Ira qalet li t-tarbija li qed tistenna huwa tifel.
Fost ħafna kummenti fuq il-mezzi soċjali ta' tifħir għall-prestazzjoni tal-kantanta Maltija, Ira Losco stqarret li hi kienet kalma, u forsi l-iktar waħda kalma mid-delegazzjoni Maltija kollha, anke jekk il-konferma li Malta għaddiet għall-finali, waslet tard fil-lejla.
Intant, issa l-pajjiż kollu issa qed jistenna bil-ħerqa s-serata finali tas-Sibt biex ikompli jagħti s-sostenn tiegħu lill-kantanta Maltija. L-għaxar kanzunetti l-oħra se jiġi magħżula għada, fit-tieni semifinali, u se jkunu qed jingħaqdu mal-għaxra magħżula tal-bieraħ u mas-sitta li marru dirett fil-finali: Franza, Spanja, l-Italja, il-Ġermanja, l-Ingilterra u r-rebbieħ tas-sena l-oħra, l-Iżvezja.