Inawgurat proġett ta’ tisbiħ fix-Xemxija b’investiment ta’ aktar minn €90,000

Saru interventi biex iż-żona ssir iktar aċċessibbli anke għall-għaddasa

B’investiment ta’ aktar minn €90,000, ġie inawgurat proġett ta’ tisbiħ fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Fekruna, ix-Xemxija mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li permezz ta’ dan il-proġett, il-poplu qed jingħata lura spazju pubbliku li sa ftit tax-xhur ilu, kien biss medda ta’ art mitluqa u miftuħa għal kull lok ta’ abbuż. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet li grazzi għall-impenn tagħhom twettaq dan il-proġett u esprima t-tama tiegħu li l-pubbliku jagħmel użu mill-post bl-aktr mod responsabbli.

Il-Perit responsabbli mill-proġett Marvienne Camilleri spjegat li l-ewwel fażi tal-proġett kienet tikkonsisti fit-tneħħija u tħammil tal-materjal l-antik biex isiru passaġġi u aċċessi ġodda. Fażi importanti f’dan l-istadju kienet it-trattament tal-moll eżistenti. Fil-fatt saru interventi biex dan ikun kollu aċċessibbli, speċjalment id-dawra li tmiss mal-baħar. Barra minn hekk inbnew mill-ġdid turġien sabiex jingħata aċċess sigur għall-inħawi li qabel ma setgħux jintlaħqu faċilment u mingħajr periklu. 

Peress li dawn l-inħawi huma popolari wkoll mal-għaddasa, kien importanti li jsir aċċess tajjeb għalihom filwaqt li jitneħħa kull periklu.  Għalhekk, saru xogħlijiet importanti, fosthom it-taraġ li jippermetti lill-għaddasa biex jinżlu fil-baħar mingħajr diffikultà. Ma’ dawn ix-xogħlijiet ġew installati railings tal-ħadid mad-dawra li tagħti għall-baħar. 

Dan il-proġett kompla jingħata dehra mill-isbaħ, billi tpoġġew ġebel kbar mal-perimetru tal-moll, filwaqt li tħawlu numru ta’ siġar indiġeni, pjanti u arbuxelli.

Sabiex ikun hemm aktar sigurtà u anke sabiex jingħata dehra differenti matul il-lejl, saret sistema ġdida ta’ dawl, b’fanali u dwal oħra, b’mod partikolari tul it-triq, il-passaġġ u it-taraġ prinċipali li jagħti għan-naħa t’isfel tal-proġett.

More in Socjali