'Il-paga minima għandha tkun riveduta wara 45 sena'

L-AD ssostni li l-paga minima għandha tiggarantixxi għajxien diċenti

L-Alternattiva Demokratika sostniet li l-paga minima ma tigarantixxix għixien diċenti kif ħaqqha kull persuna. Qalet dan fid-dawl tar-rapport ippubblikat mill-Caritas fuq il-mimimu ta’ dħul għal għixien diċenti. "Mhux ġust li pajjiż li jgħid li ekonomikament sejjer tajjeb, fl-istess waqt, kontra kull idea ta’ ġustizzja soċjali, jixxaħħah ma' min jaqla’ paga minima," sostniet l-AD.

Żieda fil-paga minima tkun tfisser tkattir tal-ġid ekonomiku b’mod ġenerali

"Id-dokument tal-Caritas juri b’mod ċar li l-paga minima mhix biżżejjed għal għixien diċenti. Ta’ min jgħid li l-mod kif inhi kkalkulata l-paga minima qatt ma ġiet riveduta sa minn meta tnediet fl-1971. Huwa ovvju wkoll li 45 sena wara, id-dinjità tal-ħaddiema fuq paga minima titlob li din tiġi riveduta," kompliet tispjega l-AD fi stqarrija.

Il-kelliem ta' AD Mario Mallia saħaq li, "L-AD tappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport li d-differenza bejn il-minimu diċenti ta’ dħul li għandha bżonn familja għall-għixien xieraq, u l-paga minima, titnaqqas fuq perjodu raġonevoli li ma jkunx twil wisq, billi tiżdied il-paga minima."

Mallia kompla jgħid li l-AD tħoss li sempliċiment b’għotjiet ta’ flus, il-Gvern qed jissussidja c-cheap labour u jinkoragixxi l-awsterità. "Id-differenza bejn il-paga minima u dipendenza fuq il-benefiċċji mhix tali li tipperswadi lil min hu dipendenti ifittex xogħol. Il-fatt hu li kemm
bid-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali, kif ukoll b’impjieg fuq il-paga minima, ir-riskju ta’ faqar xorta jibqa’ konsiderevoli u inqas mid-dħul meqjus bħala l-minimu essenzjali."

L-istqarrija tal-AD temmet tgħid li hi taqbel ukoll mal-Caritas li l-istat għandu jieħu ħsieb lil min ma jistax jaħdem b’mod ġenwin minħabba forom differenti ta’ diżabbiltà. Huwa ta’ għajb li l-benefiċċji għal dawn il-persuni iktar qishom karità milli assigurazzjoni ta’ dinjità u ġustizzja
soċjali."

More in Socjali