'Il-Caritas tatna post fejn inġibu lura d-dinjità li tlifna'

Tinfetaħ id-dar tal-Caritas 'Et Iris' f'San Blas

Delaia Zammit, residenta tal-programm ta' rijabilitazzjoni tal-Caritas
Delaia Zammit, residenta tal-programm ta' rijabilitazzjoni tal-Caritas

"Il-ħajja lilna tatna bis-sieq, u aħna dorna għad-droga, u meta għamilna hekk, ġejna mwarrbin u mkissrin iktar min-nies tal-madwar." Dawn kienu kliem Delaia Zammit li hija residenta tal-programm ta' rijabilitazzjoni tal-Caritas.

Zammit spjegat kif hi kienet bdiet tuża d-droga fl-età ta' 12-sena u saret dipendenti ftit wara minħabab self-esteem baxx.

Minkejja dan, Delaia Zammit sostniet li, "mhux kulħadd tilef il-fiduċja fina, u hemmhekk daħlet il-Caritas. Il-Caritas tagħtna post fejn inġibu lura d-dinjità li tlifna fiż-żmien li konna mitlufin fit-triq."

Dan sostnietu fil-ftuħ uffiċjali tad-dar residenzjali tal-Caritas 'Et Iris', li tfisser 'Qawsalla' bil-Latin, f'San Blas. Din id-dar se tkun tista' takkomoda 13-il persuna, bi spazju wieħed għal persuna b'diżabbiltà. Dan in-numru kiber mill-faċilitajiet li kellha l-Caritas f'Birkirkara, li setgħet takkomoda biss 8 persuni.

Id-dar hi waħda attrezzata biex tkun tista' tingħata kura terapewtika aħjar u hi mgħammra wkoll b'kamra apposta għat-tfal għal dawk l-ommijiet li jkunu għaddejjin bi programm ta' rijabilitazzjoni mal-Caritas. 

Delaia Zammit kompliet tispjega xi tfisser għaliha u residenti oħra bħala. "Din id-dar għalina verament tfisser, imħabba kbira, sapport kbir u tama għal ħajja ġdida u sabiħa."

Fid-diskors tiegħu fil-ftuħ ta' din id-dar, il-Ministru għall-Familja Michael Farrugia qal li l-Caritas ma tirċievi l-ebda flus għal spiża kapitali bħal din, għax il-Gvern iħallas biss tas-servizzi li tagħti. "Din id-dar hija xhieda ta’ fejn u kif qed jintefqu l-flus li l-poplu jagħti b’mod volontarju lill-Caritas," żied jgħid il-Ministru Farrugia.

Min-naħa tiegħu, id-direttur tal-Caritas Leonid McKay qal li l-idea wara dan il-bini l-ġdid kienet li tiġi provduta esperjenza ta' rijabilitazzjoni kompleta li toffri l-għajnuna għall-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa. Sostna wkoll li l-proġett li jmiss huwa li tinħoloq forma ta' residenza għar-rijabilitazzjoni tat-tfal ta' taħt it-18-il sena sabiex tiġi indirizzata l-problema tad-dipendenza fuq id-droga sa mill-bidu.

More in Socjali