Il-President tal-Malta Developers Association, Sandro Chetcuti qal li kieku jiddaħħal moratorju fuq il-bini ta' proġetti kbar, id-deċiżjoni ma tkunx tagħmilx sens.
Chetcuti qal dan fil-programm Reporter li semma l-proposta li għamlet id-deputata indipendenti Marlene Farrugia li jiġi applikat moratorju fuq proġetti kbar sakemm ma jiġi pjanat masterplan li għandu jirregola dawn it-tip ta' żviluppi.
Minkejja dan, Chetcuti insista li l-iżvilupp għandu jkompli jsir skont il-pjanijiet lokali. Fil-ħarġa tal-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda, Chetcuti insista għal bosta drabi li jrid jinstab bilanċ, u jkun hemm ippjanar ħolisitiku biex jiġi integrat tajjeb l-ambjent f'żoni li fihom qed isiru ammont ta' proġetti.
Chetcuti kompla jgħid li, "naħseb li l-Parlament mhux se jgħaddi mozzjoni bħal din għax ma naħsibx li l-Gvern lest li jwaqqaf il-proġetti kollha li jinsabu għaddejjin, minħabba l-proġetti l-oħra ta' bini għoli." Insista li l-pjanijiet lokali huma, "l-bibbja tal-iżvilupp, u jekk il-Gvern irid jirrevedihom, allura l-ewwel irid jagħmel konsultazzjoni pubblika wiesgħa.
Minkejja dan, qal ukoll li r-reviżjonijiet tal-pjanijiet lokali m'għandhomx isiru biex jakkomodaw lill-iżvilupaturi iżda għandhom isiru fl-interess ħolistiku tal-lokal.