Tlesta x-xogħol ta' restawr fuq il-kappella f'Ħal Qormi

Kappella ddedikata lil San Franġisk ġie restawrata b'finanzjament mill-Awtorità tal-Ippjanar

Marlene Farrugia u Antoine Vella
Marlene Farrugia u Antoine Vella

Il-Kappella li tmur lura sas-seklu 18 iddedikata lil San Franġisk minn Paola f'Ħal Qormi, ġiet inawgurata wara li tlesta x-xogħol ta’ restawr li sewa’ aktar minn € 68,000. Il-proġett li sar mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi u ffinanzjat mill-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti mill-Environment Initiative Partnership Programme (EIPP).

Waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett, is-Sindku ta' Ħal Qormi, Rosianne Cutajar stqarret li, "għalkemm l-kappella ma taqax direttament taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, l-Kunsill għandu għal qalbu l-wirt lokali. Kien hemm bżonn intervent urġenti sabiex nikkonservaw waħda mill-binijiet storiċi u prominent fil-belt tagħna. Dan l-intervent kien possibbli grazzi għall-fondi disponibbli mill-Awtorità tal-Ippjanar taħt il-fond tal-EIPP."

Iċ-Ċermen tal-Bord tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità, l-Perit Vincent Cassar qal, "li permezz tal-fond EIPP tal-Awtorità tinkoraġġixxi u tappoġġja inizjattivi li jsaħħu u jipproteġu l-wirt kulturali tal-gżejjer tagħna. L-inizjattiva meħuda mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi, sabiex jiġi restawrat u kkonservat monument storiku importanti fil-qalba tar-raħal tagħhom għandu jservi bħala mudell għal lokalitajiet oħra sabiex jaħdmu fuq proġetti simili biex jarrikkixxu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti rispettivi tagħhom."

Minħabba l-karatteristiċi varji u l-ambjent fejn tinsab il-binja, l-Kappella sarulha diversi xogħlijiet ta' restawr inkluż t-tindif, applikazzjoni ta' bijoċida, tibdil u tiswija tal-ġebel.

Il-Kappella ta' San Franġisk minn Paola nbniet fl-1707 fuq it-tfassil tal-Perit lokali Indrì Psaila. Il-pjan tal-kappella huwa ċentralizzat b’artal wieħed u kkompletat permezz ta’ koppla li taġixxi bħala s-sors prinċipali ta’ dawl għall-binja.

Il-fondi mogħtija mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tappoġġja dan il-proġett, ġew mill-fond EIPP li beda’ mill-Awtorità fl-2001. L-għan tal-EIPP huwa li jtejjeb u jipproteġi l-ambjent naturali ta' Malta kif ukoll l-wirt kulturali permezz ta' fondi garantiti permezz ta' dak li hu magħruf bħala Planning Gain.

Il-Planning Gain huwa spiss mitlub mill-Awtorità bħala mezz ta' benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiku għall-Komunità b'mod kumpens għall-impatti li jista' jirriżulta l-iżvilupp partikolari, li l-impatt ma jistax jiġi mmitigat b'mod raġonevoli.

More in Socjali