Il-kumpanija Halmann Vella Ltd ħatret lil Owen Farrugia bhala Direttur inkarigat mill-bejgħ u l-ġestjoni tan-Negozju. Fir-rwol il-ġdid tiegħu Owen se jissorvelja l-implimentazzjoni tal-istrateġija tat-tkabbir tal-kumpanija kemm lokalment kif ukoll barra.
Filwaqt li feraħlu għal-ħatra tiegħu is- CEO ta’ Halmann Vella Ltd., Joseph Tabone qal li, "il-ħatra ta’ Owen tifforma parti mill-impenn tagħna sabiex insaħħu s-sezzjonijiet tal-bejgħ u l-ġestjoni tan-negozju. Grazzi għall-esperjenza tiegħu u l-għarfien tal-industrija, Owen se jikkontribwixxi ħafna lejn viżjoni tagħna ta' tkabbir strateġiku għall-futur."
Owen Farrugia għandu minjiera ta' esperjenza fl-industrija tal-kostruzzjoni, speċjalment fil-ġebel u l-materjal arkitettoniku. Ingħaqad mall-Grupp Halmann Vella fl-2002 u ħadem kemm fis-settur tal-produzzjoni kif ukoll tal-bejgħ, fejn zamm pożizzjonijiet maniġerjali fiż-żewg oqsma. Dan ippermettielu li jikseb għarfien sħiħ tal-prodotti u s-servizzi offruti mill-kumpanija. Matul dawn is-snin huwa kiseb ukoll għarfien espert tal-industrija permezz ta' opportunitajiet ta’ taħriġ barra minn Malta żjarat f’diversi barrieri u għand bosta fornituri, parteċipazzjoni f'konferenzi u expos u żjarat varji oħra.
"Halmann Vella hija kumpanija magħrufa għall-kwalità, li kibret b’rata mgħaġġla fl-aħħar snin. Ninsab kburi li nifforma parti minn dan it-tkabbir u ħerqan li nkompli nidentifika opportunitajiet ta' negozju li jirriżultaw f’relazzjonijiet ta' benefiċċju reċiproku u profittabbli mal-klijentela lokali u internazzjonali tagħna," sostna Owen Farrugia.