Se jinbeda proċess ta' konsultazzjoni twil sitt ġimgħat li mistenni jwassal għar-rilokazzjoni tal-monument tas-Sette Giugno minn fejn jinsatb preċentement, jiġifieri fi Ġnien Hastings, għal lokazzjoni iktar ċentrali fil-Belt.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fi ġnien hastings dalgħodu mill-Ministru Joe Mizzi u ċ-chairman tal-korporazzjoni ta' riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Jidher li fost il-preferenzi għall-post il-ġdid tal-monument, hemm Pjazza San Ġorġ li fih kien qabel ma saru xogħlijiet ta' rinnovar fl-istess pjazza. Qed jissemma wkoll post fi Triq il-Merkanti biswit is-suq l-antik.
It-tneħħija ta' dan il-monument snin ilu minn Pjazza San Ġorġ kien qajjem għagħa meta għal xi żmien, kien saħansitra mitfugħ f'garax, sakkem tlestew ix-xogħlijiet fl-istess pjazza. Iżda l-istess monument ma reġax sab ruħu quddiem il-Palazz tal-President fejn kien ilu għal snin sħaħ, iżda tpoġġa fi ġnien Hastings flimkien ma' bosta monumenti oħra. Ħafna persuni lmentaw li dan il-post kien wieħed imwarrab għal monument li jissimbolizza t-tixrid ta' demm li seħħ fis-7 ta' Ġunju 1919, u li llum din id-data hi waħda mill-festi nazzjonali ta' pajjiżna.