Il-President timmira l-kanuni lejn il-blogs: ‘Tipproteġux lil min qed ikisser lin-nies’
Il-President tappella lill-partiti biex ma jagħtux protezzjoni lil min qed juża mezzi soċjali biex ikissru lin-nies
minn Albert Gauci Cunningham
F’artiklu li bagħtet lill-gazzetti lokali kollha l-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca fetħet il-kanuni fuq dak li tiddeskrivi bħala “għodod ta’ komunikazzjoni”, għalkemm huwa ċar li qed tirreferi, partikolarment, għal ċerti blogs. Għalkemm ma ssemmi l-ebda individwu b’ismu jew isimha, Coleiro Preca tgħid li dawn qed jintimidaw u jħammġu familji u individwi u saħansitra takkużahom bi “vjolenza soċjali” li “qed iddaħħal lin-nies f’burdata ta’ kattiverija u tgħerreq lill-pajjiż f’kultura ta’ vjolenza psikoloġika.”
Qed jidher biċ-ċar, li sfortunatament, għandna nuqqas ta’ formazzjoni edukattiva, fil-mod kif nikkomunikaw l-ideat tagħna. Flimkien mal-polarizzazzjoni politika, qegħdin iwasslu biex l-ispazji u l-għodod ta’ komunikazzjoni, jintużaw minn xi wħud, b’isimhom jew b’mod anonimu, biex jumiljaw, jirredikolaw, jintimidaw u jħammġu individwi u l-familji tagħhom, u jinvadu l-ħajja privata tagħhom.
Din hija vjolenza soċjali li għandha tiġi kkundannata bla riżervi; vjolenza li tattakka id-dinjità tal-bniedem, tnawwar il-fibra soċjali, toħnoq il-komunikazzjoni vera, twerwer lil persuni innoċenti, tbiegħed lin-nies mill-ħajja pubblika, iddaħħal lin-nies f’burdata ta’ kattiverija, u tgħerreq lill-pajjiż f’kultura ta’ vjolenza psikoloġika, li tfixkel is-solidarjetà li l-poplu Malti huwa tant magħruf għaliha.
Xtaqt infakkar fid-diskors li għamilt f’Jum ir-Repubblika 2015, dwar id-dritt tal-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni, u nisħaq, li filwaqt li dmir ir-Repubblika huwa li tħares Artiklu 18 tad-dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem, hemm limiti etiċi għal dan id-dritt.
Il-fatt li hawn massa ta’ nies li tipparteċipa b’mod attiv jew silenzjuż f’dawn l-atti anti-soċjali u kontro-etiċi, jurina li għad fadal ħafna xi jsir biex l-għodod li tant għandhom potenzjal li jkattru d-djalogu, ma jibqgħux jiġu użati biex jifirdu, jweġġgħu u jwerwru.
Għalhekk nappella lill-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba biex jużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, għodod u opportunitajiet oħra, biex ifakkru u jedukaw favur relazzjonijiet u kommunikazzjoni aktar etiċi, u biex jipparteċipaw fi djalogi soċjali li jistimulaw il-ħsieb mingħajr ma jweġġgħu.
Komunikazzjoni soċjali li hija etikament produttiva, tagħmel kuraġġ lin-nies biex jipparteċipaw b’mod attiv fl-ispazji li tagħtina d-demokrazija.
Irrid nappella lill-partiti politiċi u lill-entitajiet pubbliċi biex ma jipproteġu lill-ebda individwi, direttament jew indirettament, li jinqdew bil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali biex ikissru l-ħajja privata tan-nies u l-familji.
L-istrateġija ta’ tkissir in-nies hija bħal susa soċjali, li tifnina lkoll, għax iċċaħħadna mill-komponenti essenzjali tal-verità, tas-sewwa u tad-dinjità. Fuq kollox, din l-istrateġija hija anti-edukattiva u ma tagħmel xejn ħlief li tiżgura li uliedna jitilgħu jemmnu, li l-libertà tal-espressjoni m’għandhiex tarf, limiti jew regoli. Dan huwa fost l-agħar legat li aħna l-adulti nistgħu nħallu lil uliedna.
Għaldaqstant, nixtieq li dawk il-Maltin u l-Għawdxin kollha, li jemmnu fis-saħħa tal-għaqda ta’ bejnietna, u fil-valuri l-oħra li jistgħu jmexxuna ’l quddiem bħala poplu, biex naħdmu flimkien, ħalli nsaħħu r-rispett, it-tolleranza, u d-dinjità fostna.