Ċitazzjonijiet fażulli: M’hemmx liġi li twaqqfek milli tipparkja fuq tad-‘disabled’

Min weħel ċitazzjoni għax ipparkja fuq tad-disabled jista jikkontesta u jirbaħha: Liġi minn Oliver Scicluna u Justyne Caruana qed tiġi diskussa fil-Parlament

Għal snin twal, il-poplu Malti ġie mogħti ċitazzjonijiet fażulli meta pparkja l-karozza fuq spazju riservati għad-‘disabled’ jew għal ‘blue badge holders’. L-ILLUM sar jaf li m’hemm l-ebda liġi li twaqqfek milli tipparkja fuq dawn l-ispazji riservati. Għalkemm irridu ngħidu wkoll li m’għandhiex tkun iċ-ċitazzjoni li żżommok milli tħalli dawn l-ispazji vojta, iżda l-fatt nnifsu li dawn ikunu riservati għal nies b’inqas mobiltà li għandhom bżonn isibu parkeġġ viċin fejn ikunu jridu jmorru.

Iżda hu fatt mill-aktar redikolu li għal snin daqshekk twal, l-ebda awtorità ma ndunat li m’hemmx liġi li torbot lil min jipparkja fuq parkeġġi riservati bħal dawn biex jingħata ċitazzjoni. Fil-fatt kien hemm wardens u pulizija li kienu jafu bin-nuqqas ta’ din il-liġi u għalhekk qatt ma ħarġu ċitazzjonijiet, u oħrajn li ħarġu ċitazzjoni ta’ €23.29 u min ma kienx jaf li m’hemmx liġi, ħallashom. Li kieku kkontestaw dawn iċ-ċitazzjonijiet, huma ma kienu jħallsu xejn.

Dan kollu ġie kkonfermat minn Oliver Scicluna li hu ċ-chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali ta’ Persuni b’Diżabiltà (KNPD) li qalilna li wara tant snin, se tinħoloq liġi fi ftit ġimgħat oħra u issa min se jipparkja fuq spazju riservat għan-nies bi blue badge se jkollu jħallas multa kbira. Din il-multa, tibda minn €250 għall-ewwel ksur tagħha, u titla’ sa €1,500 jekk tkun riċediv.

 

Oliver Scicluna qalilna li hi ironija li f’dawn is-snin kollha donnu ħadd ma nduna li dawn il-parkeġġi ma kinux jaqgħu taħt l-ebda liġi, fejn qalilna li kien hu flimkien mas-segretarju parlamentari Justyne Caruana li xprunaw din il-liġi li tinsab fit-tieni qari tagħha u issa se tgħaddi għall-kumitat tal-kamra u fi żmien ftit ġimgħat għandha titlesta u tkun ‘in vigore’. Fil-fatt, l-ILLUM tkellmet ukoll mad-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea li qalilna li bħala partit se jivvutaw favur din il-liġi.

L-ILLUM tkellem ukoll ma’ uffiċjal tat-tribunal tat-traffiku li kkonferma wkoll li sal-lum, m’hemmx liġi u qalilna li jibża’ li b’din l-aħbar jinħoloq rebus fejn kulħadd jibda jipparkja fuq dan il-parkeġġ riservat għal nies b’diżabbiltà. Iżda aħna nemmnu li r-rebus jinħoloq għax min suppost kellu jagħmel liġi, m’għamilha qatt u kien qed jidħak bil-poplu li jimmultah mingħajr ma kien protett minn liġi li tagħtih id-dritt li jagħmel dan.

Sadanittant, Oliver Scicluna qalilna li huma biss Malta u l-Estonja li s’issa m’għandhomx din il-liġi li tkopri l-parkeġġ riservat għad-disabled. Qal ukoll li hawn madwar 9,000 persuna uffiċjalment bil-blue badge, iżda hawn eluf oħra li għamlu fotokopja tal-badge u qed jużawha b’detriment għal min verament għandu bżonnha.

“Se nibdlu l-badges kollha fejn issa se tkun hologram u anti copy paper u se nibdlu anke l-logo tal-wheelchair, sabiex il-wardens u l-pulizija jibdew jgħarfu mill-ewwel dawk li huma vera u dawk foloz. Min jinqabad ipparkjat bid-dokument iffalsifikat jew b’xi card mislufa mingħand xi ħadd ieħor, se jkun qed jeħel il-multa ta’ €500.”

Oliver Scicluna qal li, “tant ilna għaddejjin b’din il-farsa li issa jeħtieġu madwar sentejn biex kollox jiġi taħt kontroll assolut, l-importanti iżda hu li l-pulizija u l-wardens jinfurzaw il-liġi li se tkun qed toħroġ.” L-ILLUM tħeġġeġ lil pubbliku li m’għandhiex tkun il-multa li żżommok milli tipparkja f’dawn l-ispazji riżervati għall-persuni b’diżabbiltà, iżda l-etika nnifisha.

 

More in Socjali