Jitwaqqaf focus group f’Għawdex dwar l-awtiżmu

Il-liġi dwar l-empowerment għal persuni bl-awtiżmu hi fost l-ewwel tat-tip tagħha fid-dinja

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana attendiet għal focus group meeting fis-Special Unit ta’ Sannat dwar l-awtiżmu, li għalih attendew diversi esperti Għawdxin li jaħdmu f’dan il-qasam.

F’din il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li t-tnedija ta’ dan il-focus group huwa l-ewwel pass ta’ proġett ikbar li se jġib miegħu ħidma konġunta bejn l-iskejjel f’Għawdex, u dawk kollha involuti f’dan il-qasam.

Dan il-focus group huwa parti minn proġett li qed tagħmel l-iskola primarja f’Ta’ Sannat li fiha hemm ukoll l-Special Unit. Parti oħra mill-proġett se tikkonsisti fi grupp ta’ persuni li se jattendu għal taħriġ u job shadowing barra minn Malta biex jitgħallmu iktar fuq din il-kundizzjoni u jġibu l-esperjenzi tagħhom fl-iskejjel tagħna.

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana esprimiet sodisfazzjon għal din il-ħidma u qalet li permezz ta’ dawn il-proġetti qiegħda ssir aktar ħidma b’risq persuni fuq il-firxa wiesgħa tal-awtiżmu. Fakkret li l-Gvern ressaq liġi dwar l-empowerment għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu - liġi li hija waħda minn tal-ewwel fid-dinja. Permezz ta’ din il-liġi se jitwaqqaf kunsill bis-sehem ta’ esperti u professjonisti biex jevalwaw, janalizzaw u jimplimentaw programmi ta’ azzjoni dwar l-awtiżmu.

More in Socjali