Il-kelliem tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo insista li l-proposta tal-PN li sabiex isir żvilupp f'ODZ irid ikun hemm maġġoranza ta' żewġ terzi parlamentari li jaqblu, turi li hi, "politika ta' min qata' qalbu li jista' jindirizza l-kawża tal-problema, u minflok jinfexx fl-effett." Sostna wkoll li din hi dikjarazzjoni li s-sitwazzjoni mistennija li tkun fit-tul jew fuq bażi permanenti.
Il-kelliem tal-AD qal li l-proposta tal-PN, minflok ma tindirizza l-problema, toħloq mekkaniżmu li jimblokka d-deċiżjonijiet temporanjament. Qal dan għaliex il-vot taż-żewġ terzi, ultimament jikkonverti ruħu għal deċiżjoni b'maġġoranza sempliċi fil-parlament. "Issa din it-tip ta’ proposta tista’ tagħmel sens biss jekk tkun għal perjodu qasir ta’ żmien u dan sakemm jitnaddfu l-awtoritajiet u jinħolqu l-mekkaniżmi biex dawn jaħdmu sewwa bla tfixkil jew indħil mill-politika partiġġjana."
Sostna wkoll li "Parlament Malti, tul is-snin wera li hu bla snien fit-twettiq ta’ waħda mill-iktar funzjonijiet importanti tiegħu, dik li jgħarbel il-ħidma tal-Gvern," għaliex kieku l-membri parlamentari kienu jifhmu din ir-responsabbiltà li għandhom, "ma kinux jaċċettaw ħatriet fuq bordijiet u awtoritajiet, għax meta aċċettaw dawn il-ħatriet huma kkompromettew il-ħidma tagħhom bħala Membri Parlamentari għax poġġew lilhom infushom fis-sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess kontinwu u dan minħabba li issa suppost li jridu jissorveljaw il-ħidma tagħhom stess."
Il-Pertit Cacopardo, fil-blog tiegħu temm jgħid li "l-qagħda tal-ODZ f’Malta u Għawdex hi rifless tal-qagħda ġenerali tal-governanza fil-pajjiż."