Kura b’xejn fil-komunità għal pazjenti b’mard mentali

Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għas-Saħħa nieda skema mat-tobba tal-familja sabiex pazjenti jieħdu parti mill-kura psikjatrika tagħhom fil-komunità bl-istess Gvern iħallas hu stess għal dan is-servizz biex il-pazjent jibqa’ jieħu l-kura mingħajr ħlas

“It-tobba tal-familja għandhom rwol importanti ħafna fil-qasam tas-saħħa u huma parti integrali mill-viżjoni tagħna ta’ kif irridu nkomplu nsaħħu s-servizzi tagħna.” Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’kumment dwar din l-iskema mal-gazzetta ILLUM.

 Staqsejna lill-Ministru dwar is-sejħa li ħarġet riċentement sabiex tobba tal-familja jissieħbu fl-iskema li joffru s-servizzi tagħhom lil pazjenti bi problemi ta’ mard mentali. “Din mhijiex l-ewwel sejħa li ħriġna biex tobba tal-familja jipprovdu servizzi ta’ follow-ups lil pazjenti li jkun qed iħallas għalihom l-gvern. Fil-fatt, f’Diċembru tas-sena l-oħra konna ħriġna sejħa simili sabiex tobba tal-familja jipprovdu servizzi lil pazjenti li jkunu rikoverati mill-marda tal-kanċer tas-sider. Pazjenti li jkun għaddew perjodu ta’ ħames snin ħielsa mill-kanċer u li allura jista’ jkollhom follow-up mat-tobba tal-familja tagħhom stess mingħajr ħlas. U dan hu dak li qed nagħmlu issa rigward pazjenti li jkollhom mard mentali. Wara li pazjent ikun iċċertifikat bħala stabbli mill-konsulenti, dawn se jkunu jistgħu jattendu għal follow-ups mat-tabib tal-familja tagħhom stess.”

 Fearne kompla jispjega li dawk it-tobba li se japplikaw biex ikunu parti minn din l-iskema, se jkunu qed jingħataw it-taħriġ meħtieġ filwaqt li se jkollhom ukoll aċċess għall-istorja tal-istess pazjent. “Min se jidħol biex jipprovdi servizz f’dan il-qasam se jingħata taħriġ mid-dipartiment tal-Psikjatrika u se jkollu wkoll aċċess għall-istorja medika tal-pazjent. Nemmnu ħafna li t-tabib tal-familja, li ħafna drabi jkun diġà jaf lill-pazjent u l-istorja tiegħu, jista’ jkun ta’ għajnuna waqt viżta ta’ follow-up, biex inaqqas il-ħtieġa li pazjent ikollu jerġa’ jidħol fl-isptar Monte Carmeli.”

 Mistoqsi dwar ir-rispons tat-tobba lejn din l-inizjattiva, il-Ministru Fearne qal li s-sejħa għat-tobba għadha miftuħa. “Is-sejħa għal dawk it-tobba li jridu jkunu parti minn din l-iskema hi miftuħa sal-24 ta’ Ġunju u għal dawk it-tobba interessati, qed norganizzaw seminar informattiv fit-22 ta’ Ġunju fejn matulu se jingħataw aktar informazzjoni dwar l-iskema u s-servizz li se jkunu qed jagħtu huma stess. Servizz li huma se jagħtu b’xejn lil pazjenti filwaqt li jirċevu ħlas mingħand il-Gvern għas-servizz li jkunu taw.”

More in Socjali