L-isqfijiet jikkonsidraw il-morning after pill 'bħala abortiva'

l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jesprimu t-tħassib tagħhom għall-Protest Ġudizzjarju biex f’pajjiżna tiġi legalizzata l-morning-after pill.

il-Moviment Graffiti favur il-legalizzazzjoni tal-pillola

L-isqfijiet ta' Malta u Għawdex kontra l-morning after pill
L-isqfijiet ta' Malta u Għawdex kontra l-morning after pill

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, ingħaqdu ma' organizzazjonijiet u nies oħra f’pajjiżna li esprimew tħassib dwar il-Protest Ġudizzjarju li tressaq fil-Qrati mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tal-Mara, biex f’pajjiżna tiġi legalizzata l-morning-after pill.

Fi stqarrija mill-Uffiċju Komunikazzjoni tal-Kurja, l-isqfijiet saħqu li huma jaffermaw b’saħħa li l-legalizzazzjoni ta’ din il-pillola, li hija f’ħafna każi abortiva, m’għandhiex tkun kwistjoni marbuta mad-drittijiet tal-mara jew sempliċement mas-saħħa riproduttiva tagħha.

L-isqfijiet komplew isostnu li l-ħajja umana għandha tkun imħarsa u rispettata sa mill-konċepiment u b'hekk il-pillola għandha tkun ikkonsiderata bħala abortiva, u b'hekk tmur kontra d-drittijiet tal-preżervazzjoni tal-ħajja.

"Fejn hemm bidu ta’ ħajja umana ġdida, hemm kwistjonijiet ferm iktar serji u delikati li jekk ninjorawhom inkunu biss qed nimminaw l-iktar valuri sagri li s-soċjetà u l-konvivenza bejnietna jagħmluhom iktar denji tal-bniedem. Hu s-sens qawwi ta’ umanità u l-fermezza li neħtieġu biex nibqgħu nipproteġu fil-kultura tagħna bħala poplu l-valur u d-dinjità ta’ kull ħajja umana sa mill-konċepiment li għandhom jgħaqqduna flimkien quddiem kwistjoni bħal din" temmew l-isqfijiet fl-istqarrija tagħhom.

Għall isqfijiet, "il-kwistjoni tibqa’ waħda ta' fibra morali tas-soċjetà tagħna, li mingħajrha nkunu nżarmaw mhux biss dak li rċevejna, imma anke nispiċċaw m’għandna xejn x’ngħaddu lil ta’ warajna."

Intant il-Moviment Graffiti jisħaq li "n-nisa jkollhom aktar awtonomija fuq ġisimhom u jkunu jistgħu jeżerċitaw iktar id-drittjiet riproduttivi tagħhom."

Il-Moviment Graffitti qed jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-kampanja sabiex tiġi mogħtija l-liċenzja għall-bejgħ tal-morning after pill. L-għotja ta’ din il-liċenzja jkun ifisser li n-nisa jkollhom aktar awtonomija fuq ġisimhom u jkunu jistgħu jeżerċitaw iktar id-drittjiet riproduttivi tagħhom. Dan minflok ikollhom l-organi riproduttivi tagħhom ikkontrollati mill-gvern u minn gruppi ta’ pressjoni reliġjużi.

"Id-dritt tal-mara li tuża kontraċettiv t’emerġenza hija meħuda bħala xi ħaġa ovvja fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi demokratiċi. Iżda jidher li f’Malta hawn kruċjata kontra l-awtonomija tal-mara, id-dritt fuq ġisimha u d-dritt li tkun hi li tmexxi ħajjitha. Dan ipoġġi lill-mara f’sitwazzjoni prekarja, inaqqas il-libertà tagħha u jagħmilha suġġetta għal soċjetà ossessjonata bil-kontroll fuq il-ġisem tal-mara", isostni l-moviment.

Għalhekk, il-Moviment Graffitti jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu lejn l-attivisti li qed jaħdmu kontra l-indħil fil-ħajja personali tan-nisa. Huma jemmnu li fuq kollox, din hija ġlieda għall-ugwaljanza msejsa fuq l-idea li n-nisa m’għandhomx ikunu ddettati minn liġijiet u politika imponuti fuqhom minn nies li probabbli qatt ma se jkunu fis-sitwazzjoni tagħhom.

More in Socjali