Il-ġurdien ta’ Carmelo

Rakkont minn Sharon Calleja

Dejjem kellu dak kollu li xtaq; ħbieb tat-tajjeb, xogħol mingħajr strapazz; bi dħul ta’ finanzi tajba, karozzi lussużi u kellu waħda mill-isbaħ vilel fit-tarf tal-Madliena. F’kelma oħra, Carmelo kien l-għira ta’ bosta. U bil-figura li kellu, għalkemm kien jaħdem sew għaliha, għaliex lil Sidor, li kien jieħu ħsieb il-ġinnażju tan-naħa tagħhom xeba’ jbellagħlu flus, seta’ jgħabbi nisa kemm irid.

Però tfajla bħal din kien għadu qatt ma ra b’għajnejh. Forsi kien id-destin li laqqgħu magħha. Min jaf… kultant ikollna mmorru ’l bogħod biex insibu dak li dejjem xtaqna.

Xi ġimgħat qabel kien ħa l-aħbar kerha li miet zijuh. Insomma, kerha, il-kelma ġġib hekk għax bilkemm kien jafu. Germaine, iz-ziju tiegħu kien jgħix f’pajjiż ’il bogħod minn Malta. Fil-fatt kien ilu bosta snin jgħarrex fl-Afrika, fin-naħa t’isfel, minsi minn familtu. Carmelo jiftakar li ġieli kien ra xi kartolina minn tiegħu meta kien iżgħar, iżda maż-żmien kien kważi nesa li ommu kellha ħuha msiefer ’il bogħod. Sakemm wasal dak il-jum. Jum li kellu jbdillu ħajtu.

“Hawn nutar jixtieq ikellmek fuq it-telefon,” kienet qaltlu Antida, li kienet tiġi tfarfarlu l-villa darba fil-ġimgħa.

“Għidlu mħabbat,” kien weġibha hekk kif kien imxaħxaħ fuq is-sufan tal-ġilda bajda.

“Ejja għidlu inti,” qaltlu Antida mfansta għaliex riedet tfittex teħles ħalli titlaq ’l hemm. 

Carmelo kien ħa nifs twil u ħassu jirrabja hekk kif Antida waddbet it-telefon ta’ kafkaf fuq it-tavolina u telqet lejn il-kamra l-oħra teqred u tgemgem minn taħt. 

“Nixtieq inkellmek urġenti,” kien qallu n-nutar Refalo malli sema’ leħnu. “Ejja issa.”

“Inti l-eredi ewlieni ta’ zijuk,” L-uffiċċju sempliċi u modern li kellu n-nutar beda jarah idur bih.

“X’inti tgħid?” kien tbellah Carmelo.

“Zijuk għandu xi proprjetà fl-Afrika t’isfel u ħafna investimenti barra minn Malta.”

Carmelo ħassu jaqta’ n-nifs.

“Però kieku minnek immur niċċekkja hemm stess,” kien qallu.

U sab ruħu hawn. 

Ħassu totalment barra minn postu. Ix-xemx kienet qiegħda tiżreġ ġmielha u hu kellu l-bagalja mimlija ħwejjeġ tax-xitwa. Mank kien iċċekkja t-temp qabel ġie! Ħareġ maktur mill-but u beda jixxotta l-għaraq li beda jġelben minn ma’ moħħu.

Carmelo kien liebes qalziet tad-ditta, qmis fina, xalla u ġakkettina tikkumplimenta t-tibdila. Malli ħareġ mill-ajruport u mar jaqbad it-tren neża’ l-ġakkettina u x-xalla u xammar il-qmis. Kont taħsbu xi wieħed ħareġ mill-istampi. Kulħadd beda jħares lejh għaliex kien tassew jistona mal-ambjent!

Dak li ra b’għajnejh ma setax jemmnu. Kien wasal f’post fqir fejn in-nies kienu lebsin biċċiet tal-ħwejjeġ imqatta’ u mċarrta. Kienu jidhru fqar ħafna u ħafna minnhom donnhom lanqas kienu jafu flokk x’inhu. Kienu jidhru mdellka u maħmuġa. Carmelo ħass fawra tielgħa f’rasu u dak il-ħin seħet il-mument li ġie hawn.

Kien hemm nies għaddejjin b’merkanzija, bil-bgħula u affarijiet ippakkjati ta’ kafkaf fuq xi xarretta. In-nisa donnhom kellhom biċċiet tad-drapp imdawrin magħhom. 

Hekk kif ħassu mitluf fl-istazzjon tal-ferrovija, iħares lejn it-tabelli tat-tluq, fost ħmieġ u biċċiet tas-silla jtiru fl-arja, ra t-tren ġejja. 

Rikeb. 

Kienu qalulu li t-tren kienet tmur post wieħed dirett. U hu kellu jinżel hemm. 

Malli daħal fit-tren laqgħetu riħa qawwija ta’ moffa. Beda jaħsibha jpoġġix bilqiegħda jew le, iżda l-konduttur kien qed iħares lejh b’ċerta kurżità. Anke l-bagalja ddejjaq ipoġġi fuq xkaffa bil-ħadid imsaddad. Kullimkien kien mimli mbarazz. L-art kienet kannella, bla kulur donnha umda bil-ħmieġ.

Poġġa bilqiegħda fuq is-sedil li kien xi ftit immermer u xtaq li jasal malajr, jara l-proprjetà, jirranġa prezz għall-bejgħ u jitlaq malajr kemm jista’ jkun. Anzi jaħrab. Kulħadd kien qed iħares lejh b’mod stramb u ma ħassux f’postu. 

Ħares barra mit-tieqa u qarras xufftejh. 

Dak il-ħin raha. Kienet qiegħda quddiemu. Liebsa nuċċali tax-xemx, b’wiċċ tax-xema’, xufftejn kbar ħomor u kienet liebsa libsa sabiħa ħamra.

Ħassu kważi jistħi. Qatt ma basar li f’post bħal dan kien ser jara l-isbaħ mara li qatt kien ra.

“Daqt nitilqu naħseb,” qalilha bl-Ingliż, sabiex jibda konversazzjoni.

“Iva,” weġbitu.

Qabdu parlata fuq il-post, l-irħula u postijiet fejn żaru madwar id-dinja. Ħassu komdu jparla magħha u rranġa ruħu bilqiegħda aħjar ħalli jidhrulu l-muskoli sabiex iħajjarha.

“Xi darba ejja għandi Malta,” qalilha jikxef snienu bojod silġ li bdew ileqqu mill-bogħod. 

Tbissmitlu.

Dak il-ħin ħassu. Kien hemm xi ħaġa tgħarrxu min-naħa ta’ wara ma’ dahru.

Għamel idejh warajh biex iħoss x’kien u ħassu jinqata’ minn saqajh. Kien hemm xi ġurdien!

Ġismu ħassu jiffriża. Ma ċċaqlaqx. Kien imwerwer.

“Nixtieq inżommu kuntatt,” kienet qiegħda tgħidlu l-pupa ta’ quddiemu.

“Ehe,” weġibha, l-għaraq ixoqq għalih. Beda jagħti b’idejh wara dahru kemm felah u jipprova jżomm it-tbissima.

“Kollox sew?” staqsietu.

“Min, jien?” daħaq bil-qalb. “Mela!”

“Raġel dgħajjef jibża’ mill-ġrieden!” sema’ leħen ommu donnu kienet qiegħda hemm maġenbu.

“Imma ma donnu tielgħa ma’ dahri!” xtaq setgħa jgħidilha, iżda ried jimpressjonaha lil din it-tfajla u ma ridhiex taħseb li hu xi iblah.

“La tiġi, Malta ser togħġbok żgur,” kien qed jgħidilha jipprova jkun leħnu sod.

Induna li l-ġurdien kien telaq u reġa’ qagħad komdu b’sieq fuq oħra ħalli jipprova jkompli magħha. U rranġa xagħru waqt li b’ilsienu xarrab xofftu t’isfel.

Dak il-ħin ra dell ċkejken donnu leħħa ta’ berqa skura għaddejja tiġri qrib il-qalza tiegħu stess mal-art.

Carmelo beda jagħti b’saqajh bil-mod mal-art għaliex seta’ jobsor x’kien.

“Għandi s-sħana,” qalilha jipprova jżomm kalm.

Qalbu waqfet. 

Għamlet tikk.

Ħass moviment skomdu tielgħa mal-qalziet tiegħu stess min-naħa ta’ ġewwa.

Ħarġitlu karba żgħira, iżda pprova jżomm ruħu kompost ħalli jimpressjonaha xorta waħda u ma jkissirx dak li kien bena magħha. Quddiem din it-tfajla ma riedx jidher beżżiegħi.

Qam bilwieqfa jirtogħod. Il-ġurdien kien daħal taħt il-qalziet u kien tielgħa ’l fuq!

“Ajma!” għajjat.

“Xi ġralek?” staqsietu.

Ried jinża l-qalziet iżda quddiemha ma setax jagħmel hekk!

Beda jagħti b’idejh kemm jiflah, jitħabat u jiġġennen waħdu. Kien qisu qed jiżfen. Ħassu se jmut bil-biża’!

“X’għandek?” staqsietu inkwetata.

“U le xejn, raqduli l-muskoli u qed nipprova nagħmel ftit movimenti,” weġibha, hekk kif ħass il-qalziet vojt mill-ġdid u għamel tabirruħu qed jagħmel l-eżerċizzju fiżiku. 

Il-ġurdien kien telaq.

Poġġa bilqiegħda b’qalbu tħabbat mija mija.

“Skużani,” qalilha, jirranġa xagħru ħalli jerġa’ jidher tajjeb.

“Tagħtix kas,” weġbitu.

It-tren kienet waslet fl-aħħar destinazzjoni.

“Inti jimporta tgħinni nirkeb f’karozza?” staqsietu bil-mod. “Għaliex peress illi nieqsa mid-dawl, inkun irrid l-għajnuna?”

Carmelo ħass għoqla tielgħa fi griżmejh.

“Jiġifieri int ma rajtnix?” staqsieha.

Tbissmitlu. “Le, għalfejn?”

More in Socjali