L-importaturi lokali tal-mediċina, Neofarma Pharmaceuticals huma interessati li japplikaw għal-liċenzja sabiex ikunu jistgħu jimpurtaw il-morning after pill.
Il-gazzetta The Times tirrapporta kif il-kumpanija tal-mediċina diġà timporta tip ta' kontraċettiv fil-preżent, il-coil li fiha, wieħed jista' jsib il-levonorgestrel, li huwa l-istess ingredjent li wieħed jista' jsib fil-morning after pill.
Il-kumpanija qalet li kienet ilha tikkunsidra li tapplika għal-liċenzja li tippermettilhom ibigħu din il-mediċina, iżda qatt ma bagħtu tali applikazzjoni. Minkejja dan, huma sostnew li dan id-dibattitu li qam wassalhom biex ikunu interessati li fil-fatt jitfgħu tali applikazzjoni.
Kelliem għall-kumpanija li tkellem mal-gazzetta stqarr li ma tagħmilx sens li fis-suq ikollok prodotti li fihom hemm l-istess ingredjenti li għandha l-morning after pill, iżda din tal-aħħar tibqa' mhux liċenzjata.
Dan jiġi wara li fl-aħħar jiem qamet id-diskussjoni jekk din il-pillola għandhiex tinbiegħ f'Malta wara li 102 nisa ressqu protest ġudizzjarju kontra l-Gvern sabiex tali pillola tkun tista' tiġi impurtata, liċenjata u mqassma.