Waqt protesta lbieraħ filgħaxija fil-ġonna ta' Qui si Sana f'Tas-Sliema, il-ġeologu Peter Gatt sostna li l-istudji ġeoloġiċi li saru għall-proġett ta' Townsquare ma jurux kif il-blat fiż-żona proposta għall-iżvilupp huwa "dgħajjef ħafna" sabiex jiflaħ għal bini għoli.
Il-gazzetta The Times tirraporta kif il-ġeologu Peter Gatt saħaq li l-blat fiż-żona fejn qed jiġi propost li jinbena l-proġett ta' 38 sular, "huwa dgħajjef ħafna tant li tista' tkissru b'idejk. Qisu ġibs." Gatt kompla jsostni li din it-tip ta' ġebla hi problematika jekk ikun se jinbena xi bini għoli.
Fir-rapport mibgħut lill-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti mill-applikazzjoni, jissemma kif il-blat fiż-żona huwa b'saħħtu biżżejjed biex jiflaħ għal dan il-proġett u huwa t-tip ta' blat li ħafna mill-pajjiż huwa mibni fuqu. Minkejja dan, il-ġeologu Gatt jinsisti li dan ir-rapport ma jinkludix fih it-tielet tip ta' blat preżenti fiż-żona, li huwa blat iktar fgraġli u artab.
Il-proġett ta' Townsquare kien mistenni jiġi diskuss quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, iżda mandat ta' inibizzjoni mressaq mill-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar waqqaf temporanjament din il-laqgħa milli ssir sakemm isiru studji oħrajn dwar iż-żona.