l-Pulizija b’taħriġ dwar l-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ traffikar ta’ bnedmin
“Minkejja li l-għadd ta’ każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin li jseħħu f’Malta huwa ċkejken, qed naħdmu biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin biex jiġu sfruttati sesswalment jew bħala ħaddiema. Li jkollna mqar vittma waħda tat-traffikar tal-bnedmin huwa inaċċettabbli,” qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela. Huwa kien qed jindirizza seminar organizzat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.
Il-Ministru rrefera għall-irwol ċentrali li għandu l-Korp tal-Pulizija f’din il-ġlieda. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin li jseħħu f’pajjiżna jkunu jinvolvu sfruttament sesswali, kien hemm ukoll għadd ta’ każijiet ta’ sfruttament ta’ bnedmin bħala ħaddiema li ġew investigati mill-Iskwadra kontra l-Vizzji. Huwa tkellem dwar l-isfidi li jippreżentaw il-każijiet ta’ traffikar, b’mod partikolari fl-istadju tal-identifikazzjoni, minħabba li l-kriminalità ta’ dan it-tip hija kkaratterizzata mill-fatt li tkun mistura tajjeb ħafna.
Il-Ministru Abela qal li l-Pulizija qed jieħdu xogħolhom f’dan il-qasam bis-serjetà, kif jidher mill-prosekuzzjoni ta’ min ikun wettaq reat u l-parteċipazzjoni ta’ membri tal-korp f’taħriġ li jsir kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħrajn.
It-taħriġ li ngħata din is-sena ffoka fuq it-titjib fl-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ traffikar ta’ bnedmin biex jiġu sfruttati bħala ħaddiema, minħabba li t-traffikanti spiss jibdlu l-mod kif jaħdmu billi jadottaw tekniki aktar sofistikati u aktar sottili.
Għall-ewwel darba, dan il-pjan ipprovda taħriġ iffukat fuq din it-tema, mhux biss lill-Pulizija iżda wkoll lil partijiet oħra li għandhom interess f’dan il-qasam, bħall-ħaddiema fil-komunità, u l-ambaxxaturi u diplomatiċi oħrajn.
Dalwaqt jibda x-xogħol fuq l-abbozzar tal-pjan ta’ azzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin għall-2017 u l-2018, li taħtu huwa maħsub li jingħata aktar taħriġ.
“F’qasam bħat-traffikar tal-bnedmin, huwa importanti li nkunu nafu dejjem aktar dwar kif jaħdmu t-traffikanti. Li nkunu b’għajnejna miftuħin għall-possibbiltà tat-traffikar tal-bnedmin tista’ tagħmel id-differenza kollha,” ikkonkluda l-Ministru Abela.